Saturday, December 21, 2024

Rebħa meritata għal Malta

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

MALTA ………2

KUWAJT …….0

Wara r-rebħa ta’ 1-0 fuq l-Azerbaijan ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda, f’partita oħra ta’ ħbiberija Malta għelbet lil Kuwajt bl-iskor ta’ 2-0 f’rebħa meritata li saħansitra setgħet kienet akbar.

Issa li qed nitgħallmu kif intellgħu l-ballun minn wara … irridu nitgħallmu wkoll kif inkunu aktar inċiżivi!

Fl-ewwel taqsima, il-Maltin damu xi ftit ma ssetiljaw iżda b’mod gradwali bdew jirbħu l-inizjattiva biex prattikament bdew jiddettaw il-logħob bil-Kuwajti jilagħbu t-tattika ta’ konteniment u bdew joperaw bil-kon­trat­tak­ki li prattikament ftit li xejn kienu effettivi ħlief għal żball li kkommettejna fid-difiża li kien se jissarraf f’goal. 

Iż-żewġ goals waslu f’mument kruċjali li komplew jagħtu injezzjoni morali lill- benjamini tagħna.

Fit-tieni taqsima, l-avversarji ħarġu jfittxu l-goal biex jidħlu fil-logħba iżda l-Maltin irnexxielhom jassorbu l- pressjoni tagħhom u bil-mod il-mod bdew joħorġu mid- difiża u reġgħu bdew jiddominaw … li iżda fallew bosta opportunitajiet ta’ skor.

Mir-rebħa ta’ 1-0 fuq Azerbaijan, il-coach Devis Mangia wettaq tliet bidliet fejn bdew Jonathan Magri Ove­rend, Enrico Pepe u Dunstan Vella minflok Ryan Camenzuli, Brandon Paiber u Andrei Agius li proprju rtira mit-team nazzjonali Malti wara 103 partiti.   

Il-partita fetħet b’attakk korali tal-Maltin fejn il- konklużjoni perikoluża ta’ Jurgen Degabriele ġiet salvata mill-goalkeeper Ahmad Al Kh­aledi.

Fl-10 minuta, Jean Borg tilef il-pussess tal-ballun  fis-settur ta’ nofs il-ground biex Mobarak Al Faneeni approfitta u żmarka lil Ahmad Al Dhefeery li iżda ġie antiċipat fil-ħin minn Joseph Mbong qabel seta’ jagħmel xi forma ta’ ħsara.

Fis-16-il minuta stajna ftaħ­na l-iskor meta Joseph Mbong bidel il-ballun ma’ Alex Satariano, avvanza fuq il-lemin … daħal fil-kaxxa … iżda l-ballun lejn Degabriele, li kien ġej bil-ġirja, ma kienx preċiż biex dan tal-aħħar żbilanċja ruħu bil- konsegwenza li x-xutt fi­nali tiegħu ma nkwadrax il-lasti.

Fit-23 minuta, l-avversarji tagħna resqu ferm  viċin li jiftħu l-iskor meta waqt li kienu qed idawru l-ballun bejniethom, il-Maltin tilfu l-pussess meta Jean Borg xeħet dirett lejn Al Dhefeery li minn barra l-kaxxa pprova jillobja fuq Henry Bonello iżda daqstant ieħor kien providenzjali l-goalkeeper Malti li dawwar f’corner.

Iżda fid-29 minuta, il-Maltin fetħu l-iskor meta mill-free-kick ta’ Teddy Teuma, il-ballun ħabat mal-barriera avversarja u fit-tenattiv li jikklerja l-periklu, Khaled Al Fadhli ma laqatx il-ballun sew biex ALEX SATARIANO kien pront jixxuttja bl-istess ballun jiġi devjat minn Fahed Al Hajeri u jinżel għal ġox-xibka min­kejja t-tentattiv iddisprat mill-goalkeeper Al Khaledi  u Fawaz Al Otaibi li weġġa’ u kellu jinbidel.

Il-goal ta’ Satariano kien il-120 wieħed għal Malta fil-partiti ta’ ħbiberija.

U appena għaddew erba’ minuti, il-Maltin irduppjaw meta TEDDY TEUMA rebaħ il-ballun fi tliet kwarti ta’ ground, bidel il-ballun ma’ Satariano u b’xutt li ma jaħfirx sammar il-ballun fix-xibka biex skorja l-ewwel goal tiegħu għal Malta.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Kuwajti ħarġu aktar avventurużi u xeħtu lill-players Maltin jiddefendu għall- ewwel minuti.

Madankollu kienu l-Maltin li reġgħu heddew iżda wara xogħol tajjeb ta’ Mbong ma kien hemm l-ebda player Malti taħt il-lasti avversarji biex jixħet il-ballun fix-xibka.

Fit-62 minuta, kellna opportunitá meta Teuma għeleb in-nasba tal-offside, avvanza waħdu iżda ġibed kemmxejn lejn ix-xellug biex il-konklużjoni tiegħu ġiet sal­vata bi tbatija minn Al Khaledi.

Fis-70 minuta kien imiss lis-sostitut Luke Montebello li minn tarf il-kaxxa falla ċans tad-deheb bil-ballun jgħaddi ma’ sieq il-lasta.

Fis-87 minuta, Henry Bonello wettaq save kuraġġuż fuq Bader Al Mutawa biex evita goal ċert. 

MALTA: 1-Henry Bonello, 4-Steve Borg (22-Zach Muscat 58), 5-Jean Borg, 6-Matthew Guillaumier (10-Steve Pisani 73), 7-Joseph Mbong (3-Ryan Camenzuli 73), 13-Enrico Pepe, 14-Alex Satariano (Jake Grech 83), 17-Teddy Teuma (Brandon Paiber 82), 18-Jurgen Degabriele (9-Luke Montebello 58), 19-Adam Magri Overend, 21-Dunstan Vella   – Coach: De­vis Mangia

KUWAJT: 22-Ahmad Al Khaledi (1-Hussain Kankone 69), 2-Sami Al Sanea, 3-Ahmad Al Dhefeery, 5-Fahed Al Hajeri, 8-Fawaz Al Otaibi (10-Talal Al Fadhel 46), 11-Fahed Al Ebrahim (6-Sultan Al Enezi 46), 12-Khaledd M Al Fadhli (21-Ali Issa 46), 13-Fahad Al Reshidi, 14-Redha Abujabarah (17-Bader Al Mutawa 46), 16-Mobarak Al Faneeni (20-Yousef Alsulaiman 80), 19-Ebrahim Marzouq – Coach: Vitezlav Lavicka

REFEREE: Thomas Owen (Wales)

ASS. REFEREES: Lewis Ed­wards, Jonathan Bryant (Wales)

RABA’ UFF: Stefan Pace

SKORERS: A. Satariano 29, T. Teuma 33 (M)

AMMONITI: F. Al Otaibi, E. Marzouq (K)

Ekonomija

Sport