F’partita valida mir-Rugby Europe Conference South 1 li ntlagħbet fit-Tony Bezzina Stadium f’Kordin, it-team nazzjonali Malti tar-Rugby Union kiseb rebħa tajba ta’ 41-24 kontra Ċipru.
Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet l-aħħar partita għall-coach Damien Neill fit-tmun tat-team nazzjonali Malti wara karriera ta’ xejn inqas minn 18-il sena fit-tmexxija tal-istess team nazzjonali.
Fl-ewwel taqsima, il-Maltin iddominaw għal kollox u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 22-0.
Fit-tieni taqsima, iċ-Ċiprijotti wettqu reazzjoni tajba, madankollu ma rnexxielhomx ilaħħqu mal-qawwa tal-Maltin, biex finalment pajjiżna ħareġ meritatament rebbieħ.
Malta tkun impenjata f’partita oħra kontra l-Iżrael fil-15 ta’ April li ġej.