Mosta ……….0
Sliema W. …..1
Minn Cristian Muscat
Sliema Wanderers għelbu lil Mosta bl-iskor minimu ta’ 1-0 iżda fl-istess waqt mill-aktar importanti għall-fatt li l-objettiv tagħhom huwa li jispiċċaw mal-ewwel tnejn biex jikkwalifikaw għas-semi-finali għar-rebħ tat-titlu.
Dan mingħajr wieħed ma jneħħi xejn mill-wirja pożittiva ta’ Mosta li offrew oppożizzjoni denja matul id-90 minuta, fejn sabu lill- goalkeeper tal-Wanderers, Kelvin Emeka Agu f’vena mill-aqwa.
Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għall-Wanderers fil-Malta Premier filwaqt li min-naħa l-oħra, din kienet it-tieni telfa nfila għal Mosta.
Kienu Sliema li ħolqu l-ewwel periklu fl-20 minuta meta xutt ta’ Myles Beerman għadda għoli.
Żewġ minuti biss wara daqqa ta’ ras tal-istess Beerman ġiet salvata mill-goalkeeper ta’ Mosta, David Udoh Akpan.
Mosta wieġbu għall-ewwel darba fit-28 minuta meta Sunday Okereke xeħet cross li sab lil Joshua Agyemang li kellu t-tentattiv tiegħu salvat bi bravura minn Agu.
L-aħħar kwarta tal-ewwel taqsima kienet ferm kwieta u nieqsa minn kull emozzjoni, ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground u biż-żewġ timijiet jonqsu milli joħolqu xi tip ta’ periklu fuq il-lasti avversarji.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Sliema ħarġu ferm aggressivi u fit-52 minuta, fetħu l-iskor meta free-kick insidjuż ta’ Steve Pisani stampa mal-lasta, biex mir-rebound daħal l-attakkant Sloven, VITO PLUT, li bir-ras mill-viċin tefa’ ġewwa.
Iżda Mosta wettqu reazzjoni tajba u ħames minuti wara is-sostitut Finlandiż, Sakari Salomo Ojala, li kien qed jagħmel id-debutt tiegħu u quddiem Emeka Agu ra l-goalkeeper Slimiż isalva t-tentattiv tiegħu.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u, fit-68 minuta, Prince Afriyie avvanza tajjeb u b’xutt qawwi ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper Slimiż.
Madankollu, fit-80 minuta, kienu l-Wanderers li reqsu qrib li jżidu l-iskor meta xutt mill-ewwel ta’ Adam Magri Overend għadda jħakkek ma’ sieq il-wieqfa, b’Mosta jeħilsuha ħafif.
Fit-93 minuta, Mosta resqu viċin li jiksbu d-draw meta minn azzjoni ta’ corner Joao Victor Teixeira, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi salvata f’corner mill-goalkeeper Agu.
MOSTA: 22-David Udoh Akpan, 3-Matthew Bolanos Garcia, 4-Prince Afriyie, 5-Sasha Cachia, 8-Junior Eke Chukwueneka, 10-Giancarlo Goncalves, 13-Clayton Failla, 21-Nathan Agius (77-Zachary Brincat 71), 23-Joshua Agyemang (20-Salomo Sakari Ojala 46), 30-Sunday Okereke, 31-Joao Victor De Sozua Texeira – Coach: Joseph Grech
SLIEMA W.: 12-Kelvin Emeka Agu, 2-Jean Borg, 5-Neil Frendo, 7-Adam Magri Overend, 9-Vito Plut (94-Haraan Goncalves Barbosa 87), 10-Maksym Priadun (20-Wescley 63), 11-Myles Beerman, 15-Gustavo Alcino, 41-Samba Kone (70-Steve Pisani 46), 42-Simo Zibo, 77-Mohamed Awad – Coach: Paul Zammit
REFEREE: Ezekiel Barbara
ASS. REFEREES: Duncan Sultana, Robert Curtis
RABA’ UFF: Emanuel Grech
SKORER: V. Plut 52 (SW)
AMMONITI: N. Frendo, S. Zibo, H. H. Goncalves Barbosa (SW), C. Failla, J. E. Chukwuemeka (M)