Monday, December 23, 2024

Rebħa minima iżda importanti għal Hamrun Spartans

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat – ritratt: Dominic Borg

Hamrun Spartans…1

Sirens ……………..0

Hamrun Spartans irreġistraw rebħa importanti meta għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 1-0 biex telgħu fir-raba’ post tal-klassifika.

Kienet rebħa ta’ karattru fejn ir-riżultat seta’ kien ferm akbar li kieku l-Ħamruniżi ma sabux lill-goalkeeper avversarju, Jonathan Debono, f’forma formidabbli biex ċaħħadhom diversi drabi.

Barra minn hekk, din ir-rebħa tagħti lit-team ta’ Mark Buttigieg nifs ġdid biex ikompli jisfida għar- rebħ tat-titlu wara ż-”żelqa” ta’ Hibernians u Birkirkara.

Kienu Hamrun Spartans li ħolqu l-ewwel periklu fit-12-il minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ freekick, Darko Gojkovic, minn pożizzjoni ferm ideali kellu d-daqqa ta’ ras mill-viċin tintemm barra.

Huma komplew fuq l-offenisva u fit-18-il minuta, wara li rċieva minn cross mil-lemin, Isaac Ntow kellu tentattiv b’sidru mill-viċin li ġie salvat b’diffikultá mill- goalkeeper ta’ Sirens, Jonathan Debono.

L-Ispartans bdew iżidu fil-logħob tagħhom u saħansitra bdew jiddominaw u fil-31 minuta resqu viċin meta minn cross insidjuż minn fuq ix-xellug, Faissal El Bakhtaoui kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tiġi salvata mill-goalkeeper ta’ Sirens.

L-Ispartans komplew jip­­pressaw u fil-35 minuta reġgħu kienu perikolużi meta l-istess  El Bakhtaoui kellu daqqa ta’ ras mill-viċin tiġi mdawra f’corner b’mod spettakolari minn Debono, biex evita goal ċert.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Ispartans komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ  u fit-48 minuta, El Bakhta­oaui għadda tajjeb lejn Luke Gambin li kellu x-xutt tiegħu jiġi mdawwar f’corner għal darb’oħra minn Debono, li beda jirriżulta bħala l-eroj fost sħabu.

B’azzjoni wara l-oħra, fl-64 minuta, finalment, l-Ispartans fetħu l-iskor meta JOSEPH MBONG fajjar xutt b’saħħtu mill-viċin li faqa’ x-xibka biex xeħet lill-partitarji numerużi Ħamruniżi f’dellirju ta’ ferħ.

Sirens ippruvaw jagħmlu reazzjoni biex isalvaw il-partita iżda sabuha diffiċli biex jippenetraw id-difiża avversarja hekk kif l-Ispartans għarfu jżommu l-vantaġġ minimu li kellhom.

Erba’ minuti mit-tmiem, huma kellhom free-kick iżda Arthur Oyama xeħet għoli.

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Darko Gojkovic, 6-Matthew Guillamier, 7-Joseph Mbong, 12-Arthur Oyama, 23-Luke Gambin (17-Franklin Sasere 78), 28-Juan Carlos Corbalan, 33-Isaac Ntow, 44-Claude Dielna, 91-Emerson Marcelina, 92-Faissal El Bakhtaoui   – Coach: Mark Buttigieg

SIRENS: 1-Jonathan Debono, 2-Antonio Bianco, 7-Bogdan Gavrila (18-Conor Borg 71), 10-Fernando Brandan, 11-Alfred Effiong (23-Francis William Avoce 65), 14-Diego Albanese, 15-Adrian Borg, 17-Jacob Walker, 21-Carlo Zammit Lonardelli, 30-Carlos Riascos, 33-Vitor Vieira   – Coach: Winston Muscat

REFEREE: Matthew De­gab­riele

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Mitchell Scerri

RABA’ UFF: Andrea Sciri­ha

SKORER: J. Mbong 64 (HS)

AMMONITI: C. Dielna (HS), F. Brandan, A. Borg, D. Albanese (S)

    PLAYER TAL-LOGĦBA: Jonathan Debono (S)

Ekonomija

Sport