Saturday, October 26, 2024

Rebħa oħra għal Gudja United

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Gudja United ……..1

Balzan ……………..0

Gudja United għelbu l-isfida ta’ Balzan bl-iskor minimu ta’ 1-0 iżda għamlu dan mingħajr ma ħolqu xejn speċjali u mingħajr ma mpressjonaw.

Permezz ta’ din ir-rebħa Gudja United immexxija mill-coach Thane Micallef telgħu temporanjament fis-sitt post u b’ċans tajjeb li jkomplu jisfidaw għal post fiċ-Championship Pool. Dan minħabba li mill-aħħar sitt partiti huma kisbu xejn inqas minn 15-il punt biex insew ukoll il-periklu tar-relegazzjoni.

Min-naħa l-oħra kompla l-istaġun ferm diżappun­tanti għal Balzan b’din tkun il-ħames telfa konsekuttiva, iżda f’din il-partita kel­lhom il-mumenti pożittivi tagħhom u żgur li ma kienu jisirqu xejn li kieku ħarġu mill-pitch b’riżultat ta’ draw.

Kollox ma’ kollox il-partita kienet waħda medjokri, ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs  il-ground bl- attakki fuq iż-żewġ naħat ikunu ferm skarsi.

Gudja fetħu l-iskor man-nofs siegħa logħob meta Aidan Jake Friggieri venven xutt minn barra l-kaxxxa bil-ballun jaħbat mal-mimduda u ma’ ras il-goalkeeper ta’ Balzan, Vukasin Vranes, qabel intemm ġewwa, biex b’hekk irriżulta f’auto-goal sfortunat.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Balzan ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jiksbu d-draw u fit-52 minuta resqu viċin li jagħmlu dan meta Uros Ljubomirac ittanta xortih permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa li iżda ħabat mal-wieqfa qabel intemm barra, bil-Gudjani jeħilsuha ħafif.

Il-partita baqgħet b’ritmu kajman fejn il-Gudjani bdew jamministraw kull sitwazzjoni hekk kif il-Balzanin ma setgħux jsibu t-triq lejn ix-xibka avversarja.

B’din it-telfa issa huma nqabdu fin-naħa t’isfel tal- klassifika.  

GUDJA U.: 1-Glenn Zammit, 5-Matias Muchardi, 7-Aidan Jake Friggieri (24-Farid Romero Zuniga 88), 8-Rodolfo Soares, 13-James Arthur, 17-Gabriel Mensah (29-Giorgi Nikabadze 60), 19-Bienvenu Selemani Ahinga, 25-Juan Ramires Bolanos, 28-Nika Dzalamidze (10-Llywelyn Cremona 74), 81-Neil Micallef, 99-Marcelo Dias  – Coach: Thane Micallef

BALZAN: 83-Vukasin Vranes, 3-Augustine Loof (9-Kevin Daniels Alvin 46), 6-Marcus Grima (21-Neil Frendo 73), 7-Milan Duric, 8-Paul Fenech, 15-Michael Johnson (22-Gary Camilleri 87), 18-Uros Ljubmirac, 19-Milos Zlatkovic, 23-Milos Mijic, 86-Bojan Kaljevic (77-Aleksa Andrejic 46), 88-Sean Cipriott   – Coach: Paul Zammit

REFEREE: Alex Johnson

ASS. REFEREES: Mitchell Scerri, Thomas Debono

RABA’ UFF: Slobodan Petrovic

SKORER: V. Vranes og 30 (GU)

AMMONITI: G. Mensah, N. Micallef, A. J. Friggieri (GU), P. Fenech, M. Zlatkovic (B)

Sport