Tuesday, September 24, 2024

‘Rebħa pirrika’….il-KE tilfet l-argumentazzjoni kollha kontra l-insib’Rebħa pirrika’

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li n-nassaba jinsabu fuq ix-xwiek jistennew x’se tkun it-triq ‘lquddiem fejn jidħol l-insib, waqt li jirringrazzjaw lill-Ministru Clint Camilleri għall-ħidma tiegħu biex jiddefendi dan id-delizzju, sorsi legali li tkellem magħhom dan is-sit, nhar il-Ġimgħa waqt li analizzaw is-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, iddeskrivew l-eżitu tagħha bħala ‘rebħa pirrika għall-Kummissjoni Ewropea”. 

Dan għax fis-sentenza imkien ma jissemma  li ma jistax isir insib jew li ma tistax tiġi applikata deroga, imma l-każ intilef biss fuq teknikalita, li tista’ tiġi indirizzata. Fl-aħħar jiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat is-sentenza tagħha fil-każ tal-Kummissjoni Ewropea kontra Malta dwar id-deroga tar-riċerka fuq seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana selvaġġi.

Fis-sentenza tagħha, l-Qorti Ewropea ddeċidiet li Malta kisret l-obbligi tagħha skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea metą adottat id-deroga li tippermetti riċerka ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana. Il-Kummissjoni Ewropea kienet fetħet il-proċedura ta’ ksur kontra Malta, wara li allegat li Malta naqset milli tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-deroga għal finijiet ta’ riċerka skont id-Direttiva dwar l-Għasafar u naqset milli turi li m’hemmx soluzzjoni oħra sodisfaċenti. Il-Gvern Malti irrikonoxxa s-sentenza tal-Qorti, li ddikjarat li element wieħed mid-deroga għar-riċerka applikata minn Malta fis-snin 2020, 2021 u 2022 ma kienx konformi mad-Direttiva dwar l-Għasafar.

Imkien ma ssemma li m’hemmx dritt għal deroga…imkien ma ssemma li ma jistgħux jinqabdu għasafar tal-għana

Is-sorsi legali li tkellem magħhom dan is-sit qalulna li jekk wieħed janalizza din is-sentenza isib li l-Qorti Ewropew warrbet l-argumentazzjoni kollha tal-Kummissjoni Ewropea fejn jirrigwarda l-insib b’riċerka. Il-Qorti fl-ebda parti tas-sentenza ma semmiet li Malta m’għandhiex dritt tapplika għal deroga.

Ma semmiet imkien li ma jistgħux jintużaw l-imnasab jew kif jinqabdu l-għasafar. Ma semmiet imkien li ma jistgħux jintużaw ‘decoys’. Ma semmiet imkien li ma jistgħux jintużaw cassettes. Il-Qorti skartat  l-argumentazzjoni kollha tal-Kummissjoni Ewropea.

Veru li l-Gvern Malti tilef din il-kawża, imma intilfet fuq teknikalità. L-argumentazzjoni kontra l-insib u d-deroga tal-insib il-Qorti Europea warrbithom”, qalulna l-istess sorsi, li ddeskrivew din ir-rebħa bħala ‘rebħa pirrika’ – jiġifieri rebħa bla valur. 

Il-kawża intilfet fuq punt wieħed prinċipali – il-Ministru Clint Camilleri

Dan is-sit tkellem ukoll mal-Ministru Clint Camilleri, li kien preżenti għas-seduta li fiha ingħatat is-sentenza. Il-Ministru fil-kumment tiegħu qalilna li “tlifniha fuq punt wieħed – dak li Malta ma tatx raġunijiet preċiżi u adegwati li ma teżistix solozzjoni sodisfaċenti oħra għajr id-deroga li adatta l-Gvern Malti”.

“Irrid nispjega li f’Malta il-liġi tagħna hi bbażata fuq il-liġi Ingliża. Dan ifisser li inti toħroġ avviż legali, ħafna drabi konċiż u tmexxi. Nifhem li l-istituzzjonijiet Ewropej huma aktar ibbażati fuq sistema Franċiża u għalhekk dawn jeżiġu li meta jkun hemm bidla jew liġi ġdida irid ikolla inkorporata fiha l-motivazzjoni u l-istorja  kollha għaliex qed naslu għaliha. Fil-każ tad-deroga tagħna din ma saritx biżżejjed, kif propja tispjega s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropeja”

Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Gustizzja Ewropea jidher li tat raġun lil Kummissjoni Ewropea fuq dan il-punt filwaqt li skartat l-argumenti sussigwenti addizzjonali kollha tal-Kummissjoni Ewropea.”

Kompla jikkummenta li “fis-sentenza tal-Qorti Ewropea hemm sentenza importanti. Din qalet li l-framework tagħna fejn tidħol id-deroga hu ċar u preċiz.  In-nuqqas li kien hemm kien biss fil-punt li m’għamilniex il-motivazzjoni għal avviż legali jiġifieri spjegazzjoni preċiża li m’hemmx alternattiva sodisfaċenti. Jidher li fallejna fuq dan il-punt biss.”

Enfasizza li “dan ifisser li fuq il-karta Malta tilfet il-kawża. Minkejja dan il-Gvern Malti rebaħ ta’ numru ta’ prinċipji importanti, forsi b’mod partikolari li l-framework legali li addottat Malta huwa ċar u preċiż u  għaldaqstant il-Qorti ma ordinatx li jiġi irtirat kif kien ġara lura fl-2018. 

Ifisser li issa l l-Gvern għandu bażi soda u aktar carezza fuq xhiex jimxi. Il-Gvern Malti irid jirrispett mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea imma anke l-Kummissjoni Ewropea trid tirrispetta din is-sentenza.”

X’se jiġri fix-xhur li ġejjin?

Lill-Ministru Clint Camilleri għamilnielu l-mistoqsija li qegħdin jagħmlu n-nassaba fil-ħwienet u fil-pjazez. X’se jiġri fix-xhur li ġejjin? Il-Ministru Camilleri bla tlaqlieq jgħidilna li “jien f’dan il-mument inkun prużuntuż jekk ngħid x’se jiġri. Qegħdin nistennew il-pariri legali anke mill-avukat tad-difiża u presumi legali oħra biex ikollna analiżi tajba u naraw xini t-triq il-quddiem. Hemm l-opportunità li nindirizzaw dan il-punt li ġejna ħatja fih.

“Jekk hux dan l-istaġun jew staġuni futuri m’għandix risposta. Ikolli risposta hekk kif ikollna stampa u analizi aħjar.  Se noħorġu dikjarazzjoni meta jkollna l-pariri neċessarji. Wara ikun hemm id-diskussjoni fi ħdan il-gvern u naraw it-triq ‘l quddiem”, sostna l-Ministru Camilleri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport