“Rebħa storika għall-General Workers’ Union. Mument li se jibqa’ mniżżel fl-istorja ta’ din l-akbar għaqda tal-ħaddiema. Ilna naħdmu ħafna fuqha u finalment wasalna għall-vot finali li ttieħed illum biex tinbidel parti mill-kundizzjoni fil-kuntratt orġinali u dan qed nagħmluh biex inpoġġu sisien sodi sabiex il-futur tal-GWU jibqa’ garantit.”
Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja f’kummenti ma’ dan is-sit, wara li l-Parlament ivvota favur ir-riżoluzzjoni kif imressqa mill-Gvern biex jiġi emendat il-kuntratt tal-bini tal-Workers’ Memorial Building. Ir-riżoluzzjoni għaddiet b’vot ta’ 41 favur u33 kontra.
Għat-tielet darba, l-Oppożizzjoni vvotat kontra li dan il-kuntratt jiġi emendat. L-ewwel darba kienet fil-Kumitat dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u wara fil-plenarja tal-Parlament. Ir-riżoluzzjoni kienet approvata b’danakollu l-Oppożizzjoni talbet division u għalhekk il-vot finali ttieħed fis-seduta tal-lum.
Dan it-tibdil fil-kuntratt se jsir wara li din is-sena nqatgħet il-kawża li stabbiliet li l-General Workers’ Union kellha tibqa’ topera minn din il-binja fil-Belt Valletta. Wara s-sentenza tal-Qorti dwar kawża li kien fetaħ il-Partit Nazzjonalista, il-GWU kienet talbet lill-Gvern biex jemenda l-kuntratt, bi prezz stabbilit u skont il-prattiċi stabbiliti filwaqt li l-GWU għarfet li issa kellha tħallas lill-Istat fi ħlasijiet għall-kiri tal-imgħoddi.
Il-Gvern kien ressaq emenda għall-Att tal-1957 biex il-GWU tkun tista’ tkompli tissulloka ż-żoni delineati tal-WMB mingħajr ir-restrizzjoni preċedenti. Għalhekk il-GWU se tħallas kważi €2 miljuni lill-Istat biex tinħeles minn parti minn din il-kundizzjoni. Ċifra li tirriżulta mill-valutazzjoni ta’ perit indipendenti fuq il-valur ta’ proprjetà mmobbli u kirjiet tal-passat.
Il-maġġoranza tal-bini, li huwa wkoll issa legalment delineat, se jkun għall-użu esklussiv tal-membri tal-union, 3,800 metru kwadru ta’ spazju għall-uffiċċji li għandu jintuża mill-GWU biss għall-attivitajiet trejdunjonistiċi.
Fil-kummenti tiegħu, is-Sur Bugeja qal li xtaq li kieku l-Parlament kollu vvota favur din ir-riżoluzzjoni iżda wara li fl-2017, il-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien immexxi minn Simon Busuttil flimkien mal-membri parlamentari tal-istess partit kienu fetħu kawża lill-GWU u pprovaw jiżgumbrawha mill-WMB, fil-proċess f’dak li għandu x’jaqsam ma’ din ir-riżoluzzjoni għal darba, tnejn, tlieta vvotaw kontra u pprovaw jimminaw il-ħidma tal-GWU.
“Dan bħala l-akbar għaqda tal-ħaddiema ma stajna qatt inħalluh. Nirringrazzja lill-Membri Parlamentari kollha tal-Gvern li vvotaw favur biex din il-kundizzjoni tinbidel u nsaħħu l-futur mhux biss tal-membri u tal-GWU, imma tal-ħaddiema kollha,” tenna jgħid is-Sur Bugeja. “Il-GWU tista’ tħares biss lejn il-futur biex issaħħaħ il-missjoni tagħha li tippromwovi d-drittijiet tal-ħaddiema.”