Is-sewwieqa Maltin iffurmaw 40% tad-dħul fit-tieni rawnd tal-Campionato Time Attack Sicilia, li sar fl-Autodromo Valle dei Templi, Racalmuto, fl-aħħar Marzu. Rekord ta’ 42 sewwieq Malti kkompetew fid-diversi kategoriji, b’ħafna rebħu l-klassi jew il-kategorija tagħhom.

Is-sewwieqa Maltin, fil-fatt, għamlu l-aktar tliet ħinijiet veloċi tal-ġurnata: Daniel Montebello fuq Mitsubishi EVO, Mark Borg b’Ferrari 430, u Louis Genuis b’Ginetta G53. Numru qawwi ta’ rebħiet fil-klassi, li jibdew minn Charles Cutajar b’Ford Escort u Christopher Borg b’Fiat 124 Sport, l-ewwel u t-tieni, rispettivament, fil-grupp ta’ karozzi klassiċi. Fil-grupp għal Stock Production Cars, Edward Gauci – BMW 435 rebaħ il-klassi tiegħu, kif għamel Jamie Sammut – Mitsubishi EVO, bil-veteran ta’ 78 sena Charles Spiteri – Golf R fit-tieni post.

Fil-Grupp “Pro”, Team Malta kellu 2 rebbieħa tal-klassi f’Emanuel Calleja – Nissan Skyline u Daniel Montebello – Mitsubishi EVO, filwaqt li kienet dominazzjoni totali fil-grupp “Open” għal-karozzi modifikati ħafna, b’Joshua Anastasi – John Bull Mini jirbaħ l-klassi 1600, u tejjeb l-aħjar ħin tiegħu sal-lum, b’missieru Joe Anastasi ta’ 76 sena t-tieni. Johann Meli fuq Lotus Elise rebaħ il-klassi 2000, Robert Muscat, b’Subaru Impreza rebaħ il-klassi 4WD, u Matthew Valletta, b’Ford Fiesta Turbo rebaħ il-klassi Open Turbo.

Kienet dominazzjoni totali minn Team Malta fil-klassi “Open Racing”, fejn ir-rebbieħ kien Mark Borg b’Ferrari 430, b’Louis Genuis b’Ginetta G53 it-tieni, u ż-żagħżugħ Matthew Gatt – Ford Escort 4WD it-tielet fl-ewwel dehra tiegħu bil-karozza.

Ir-rawnd li jmiss ta’ dan il-kampjonat ser isir fis-6 u s-7 ta’ Mejju, dejjem fl-Autodromo Valle dei Templi, Racalmuto, Sqallija. Ġimgħa biss wara, iċ-ċirkwit fil-wied tat-tempji, popolari mas-sewwieqa Maltin kemm b’karozzi kif ukoll muturi, ser jospita festival għal karozzi storiċi.