Wednesday, June 11, 2025

Referendum dwar iċ-ċittadinanza Taljana null wara parteċipazzjoni baxxa

Aqra wkoll

Referendum fl-Italja li sar bejn nhar il-Ħadd u t-Tnejn li għaddew dwar it-tnaqqis tar-regoli taċ-ċittadinanza u t-titjib tad-drittijiet tal-ħaddiema ġie ddikjarat invalidu. Madwar 30% biss tal-votanti pparteċipaw fil-votazzjoni – ferm inqas mil-limitu ta’ 50% meħtieġ biex il-vot ikun konvalidat.

Fir-referendum, il-poplu Taljan kellu ħames mistoqsijiet quddiemu li jkopru kwistjonijiet differenti, inkluża proposta biex jitnaqqas bin-nofs, minn 10 snin għal ħames snin, it-tul ta żmien li individwu jrid jgħix fl-Italja qabel ma jkun jista’ japplika għaċ-ċittadinanza.

Dan ir-referendum inbeda minn inizjattiva taċ-ċittadini u kien appoġġjat minn gruppi tas-soċjetà ċivili u trade unions, li kollha kkampanjaw għall-vot Iva. Dan ir-riżultat, li ra livelli ta’ parteċipazzjoni baxxi ta 22% f’reġjuni bħal Sqallija u Calabria kien daqqa ta’ ħarta għalihom.

Li jintlaħaq il-limitu ta’ 50% biex il-vot ikun validu dejjem deher diffiċli aktar u aktar billi l-gvern Taljan, immexxi mill-Prim Ministru tal-lemin estrem Giorgia Meloni, fil-biċċa l-kbira injora r-referendum u nkoraġixxa b’mod attiv lin-nies biex ma jmorrux jivvutaw.

Il-ġimgħa li għaddiet, Meloni ħabbret li se tibbojkottja l-vot, u ddikjarat il-liġi eżistenti taċ-ċittadinanza tal-Italja bħala eċċellenti u miftuħa ħafna. Hija żaret post tal-votazzjoni f’Ruma nhar il-Ħadd iżda ma vvutatx.

L-attivisti favur argumentaw li stennija ta’ 10 snin biex tapplika għaċ-ċittadinanza kienet twila wisq, u li t-tnaqqis tar-rekwiżit għal ħames snin iġib l-Italja allinjata ma’ ħafna mill-ġirien Ewropej tagħha.

Ftit wara li għalqu l-postijiet tal-votazzjoni, il-partit Fratelli d’Italia (FdI) immexxi minn Meloni ppubblika stampa tal-mexxejja tal-oppożizzjoni fuq Instagram bit-titlu “Tliftu!”

Pina Picierno tal-Partit Demokratiku (PD) tal-oppożizzjoni, qalet li r-referendum kien “telfa profonda, serja u li setgħet tiġi evitata,” u sejħet in-nuqqas li jintlaħaq il-limitu ta’ 50% bħala “rigal enormi lil Giorgia Meloni u l-lemin estrem”.

Nofs miljun firma huma meħtieġa biex jissejjaħ referendum fl-Italja. Madankollu, issa hemm sejħiet biex dak il-limitu jiżdied biex jitnaqqas l-għadd ta’ referenda mressqa mill-pubbliku.

Mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn saru 78 referendum fl-Italja iżda madwar nofshom biss ġibdu biżżejjed voti biex ikunu validati.

L-ewwel wieħed kien sar fit-2 ta’ Ġnju 1946, u 89% tat-Taljani marru jivvutaw u ftit aktar minn nofshom ivvutaw biex jissostitwixxu l-monarkija b’repubblika. Fis-snin ta’ wara, referendums dwar l-abort u d-divorzju saru wkoll b’suċċess.

L-aħħar referendum li laħaq il-limitu meħtieġ ta’ mhux inqas minn 50% kien fl-2011 kontra liġi li tipprivatizza s-servizzi tal-ilma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport