Sunday, November 24, 2024

Refuġjata Iraqqina b’diffikultajiet biex titma lil uliedha….id-Direttur Ġenerali qatgħalha l-benefiċċji sempliċiment għax ma sabhiex id-dar

”Insensittiva” hu l-mod kif il-Qorti iddeskriviet l-azzjoni tad-Direttur Ġenerali

Aqra wkoll

Refuġjata Iraqqina. Omm ta’ żewġ itfal. M’għandhiex raġel. Uliedha jeħtieġu li jmorru l-iskola fi kliemha stess ma tistax tibgħathom minħabba nuqqas ta’ finanzi. Hi ma taħdimx u għadha ukoll problemi biex titma’ lil uliedha.

Ma’ dawn il-problemi, b’deċiżjoni li ġiet deskritta ‘mgħaġġla’ u ‘insensittiva’, id-Direttur Ġenerali għas-Sigurtà Soċjali jaqtgħalha il-benefiċċji soċjali. Dan sar għax saret spezzjoni, u l-ispettur marru darbtejn id-dar fejn tgħix u ma sabuhiex.  Il-każ spiċċa l-Qorti u l-Qorti ikkritikat bil-qawwa l-azzjoni tad-Direttur Ġenerali.

Wara li qatgħulha l-benefiċċji, refuġjata Dua Albatawi għamlet rikors lill-Arbitru u dan kienddeċieda li l-Ispetturi f’dan il-każ ma għamlux sforzi biex jagħmlu kuntatt mar-refuġjat biżżejjed biex jinkludu l-estremi li tittieħed sanzjoni kontriha.    

Id-Direttur Ġenerali f’ittra lill-arbitru spjega li r-refuġjata kienet benefiċjarja tal-Għajnuna Soċjali sa 2022 u qal li din  twaqqfitilha għax kien sar rapport mid-Direttorat għall-Għajnuna Finanzjarja u Investigazzjonijiet, u kien hemm nuqqas ta’ koperazzjoni min-naħa tar-refuġjata biex tipprovdi informazzjoni finanzjarja jew evidenza taċ-ċirkostanzi attwali tagħha lill-Ispetturi.

L-Arbitru kien ddeċieda li d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali kellha  tiġi rrevokata. id-Direttur Ġenerali appella u dan talab lill-Qorti tħassar u tirrevoka d-deċiżjoni tal-arbitru u konsegwentament tikkonferma d-deċiżjoni tiegħu, jiġifieri li jinqatgħulha l-benefiċċji.

Id-Direttur Ġenerali qal li l-Ispetturi tad-Dipartiment kien fetħu investigazzjoni dwar jekk ir-refuġjata kinitx qiegħda tirrisjedi fl-indirizz indikat minnha, jiġifieri  l-Marsa, u minkejja li saru żewġ spezzjonijiet fil-fond indikat, ħadd ma wieġeb.

Qal li l-Ispetturi ppruvaw jikkomunikaw mar-refuġjata permezz ta’ telefonati fuq in-numru tal-mowbajl ipprovdut, iżda d-darbtejn tela’ messaġġ li jgħid li hija ma kinitx disponibbli.

Qal li ntbagħtet posta rreġistrata fl-istess indirizz, iżda l-appellata xorta waħda ma marritx għall-appuntament tagħha, u kien għalhekk li ittieħdet id-deċiżjoni kontra tagħha.  Spjega li  ż-żjara mill-Ispetturi tiegħu kienet parti minn investigazzjoni mwettqa mid-Dipartiment sabiex jiġi stabbilit jekk ir-refuġjata tirrisjedix jew le fil-fond indikat minnha. 

Id-Direttur qal li hu każ ċar fejn ir-refuġjata baqgħet tinjora l-avviżi tad-Dipartiment u għalhekk id-Dipartiment ma kellux għażla għajr li jwaqqaf il-benefiċċji li kienet qiegħda tirċievi l-benefiċjarja. Qal ukoll li t-twissija finali fl-avviż kienet ċara – “Jekk tonqos milli tattendi mingħajr avviż jista’ jwassal għal sospensjoni tal-benefiċċji li qiegħda tirċievi.”

Id-Direttur Ġenerali  qal li jekk dan il-prinċipju ma jinżammx, ser tinħoloq sitwazzjoni fejn kulħadd jista’ jinjora l-avviżi li jibgħat id-Dipartiment, u dan għax skont ir-raġunament tal-Arbitru, min jinjora l-Avviżi ma jimmeritahx sospensjoni tal-benefiċċji. L-appellant qal li dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni perikoluża u kaotika, u huwa għalhekk li d-deċiżjoni għandha tiġi mħassra u revokata. 

Ir-refuġjata spjegat li hija mara ta’ nazzjonalità Iraqqina, u twieldet f’Baghdad fit-2 ta’ Diċembru, 1992. Ingħatat status ta’ refuġjata mill-Istat Malti mill-International Protection Agency u għandha żewġt itfal minuri, li wkoll igawdu minn status ta’ refuġjati.

Tenniet li hi kienet tibbenefika mill-Għajnuna Soċjali u mill-Allowance tat-Tfal.  Qalet li meta hija ndunat li l-benefiċċji ma kinux qegħdin jingħatawlha, marret l-uffiċċju tad-Dipartiment fejn ingħatat kopja tad-deċiżjoni, u hija spjegat li kienet marret biex tibdel l-indirizz fuq il-permess ta’ residenza maħruġ minn Identity Malta, iżda dan kien ser jieħu xi żmien, u kien hemm xi spejjeż involuti ukoll.

Ir-refuġjata qalet li m’hemmx dubju li fejn jirriżulta abbuż, dan irid jiġi miġġieled, iżda hija qiegħda tirċievi l-għajnuna soċjali mhux minħabba l-indirizz tagħha, iżda għax tgawdi status ta’ refuġjata f’Malta, u għalhekk kienet u għadha intitolata għall-għajnuna soċjali skont il-liġi.

Spjegat li hija bdiet tirċievi l-Għajnuna Soċjali u l- Allowance tat-Tfal bejn is-sena 2020 u 2022, u hija dejjem ikkomunikat mad- Dipartiment, bħal per eżempju meta bdiet taħdem għal perijodu ta’ xahrejn, u infurmat lid-Dipartiment b’dan. Qalet li fil-fatt hija ma kienitx intitolata għall-benefiċċju f’dak il-perijodu. 

Qalet li meta indunat li ma kienitx qiegħda titħallas, hija marret tinforma lid-Dipartiment dwar dan, u hemm infurmathom bil-bdil u bil-proċess ma’ Identity Malta li dam xi ftit. Qalet li minn meta bidlet l-indirizz sakemm infurmat lid-Dipartiment, għadda xahar u ftit ġranet.

Staqsiet jekk huwiex ġust u raġonevoli li hija titlef il-benefiċċji soċjali minħabba f’dan il-perijodu. Qalet li huwa għalhekk li rriżulta li t-tentattivi tad-Dipartiment kienu timidi wisq, kif ukoll ma kienux raġonevoli.

Ir-refuġjata qalet li dan mhuwiex każ ta’ ħabi jew ta’ qerq, iżda każ ta’ burokrazija u investigazzjonijiet superfiċjali. Qalet li hija ma tilfitx l-istatus ta’ refuġjat, ma tilftix kuntatt mat-tfal tagħha, iżda bidlet l-indirizz mill-Marsa għall-Ħamrun, u ppruvat tikkomunika dan kollu. Qalet li d-domanda hija jekk huwiex raġonevoli li jitneħħa l-benefiċċju soċjali f’dan il-kuntest. 

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li taqbel mal-evalwazzjoni li għamel l-Arbitru, u tħoss li d-deċiżjoni li ħa d-Direttur Ġenerali kienet waħda mgħaġġla wisq, u nieqsa mir-raġonevolezza. 

Il-Qorti qalet li għal xi raġuni li ma ġietx spjegata f’dawn il-proċeduri, wara li ttieħdet id-deċiżjoni li r-refuġjata kienet eliġibbli għall-għajnuna soċjali li applikat għaliha, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ħass il-ħtieġa li jagħmel spezzjoni għal għarrieda fir-residenza fejn tgħix, u għax din ma nstabitx id-dar u naqset li tirrispondi t-telefon f’żewġ okkażjonijiet, ittieħdet id-deċiżjoni li l- għajnuna soċjali li kienet tingħata titwaqqfilha. 

Intqal li l-Qorti tqis li m’hemm xejn raġonevoli fid-deċiżjoni li ħa d-Direttur Ġenerali f’dawn iċ-ċirkostanzi. Il-Qorti ġibdet l-attenzjoni tad-Direttur Ġenerali  li m’hemm l-ebda regola jew liġi li tgħid li persuna titlef il-jedd li tikkwalifika għall-għajnuna soċjali li tkun qed tingħatalha sempliċement għax tibdel l-indirizz, jew għax iddum ma tinforma lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali b’dan it-tibdil fl-indirizz.

Li kieku kien hemm indizji oħra li jqajmu dubji dwar jekk ir-refuġjata hijiex kap ta’ familja jew għandhiex familja għal rasha, forsi kien ikollu raġun id-Direttur Ġenerali jiddeċiedi li l-benefiċċji li din kienet tingħata, għandhom jitwaqqfu. Iżda l-Qorti tqis li kellu raġun l-Arbitru jiddeċiedi li l-investigazzjoni li saret mid-Dipartiment kienet waħda pjuttost insensittiva.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li d-Dipartiment li jamministra l-għoti ta’ benefiċċji soċjali, li jafu jkunu l-uniku introjtu li persuni vulnerabbli jkollhom, għandu jkun ferm aktar sensittiv għar-realtajiet ta’ madwarna.

Il-każ odjern huwa każ ta’ mara li qiegħda f’Malta wara li ngħatat status ta’ refuġjata, li jfisser għalhekk li sar skrutinju taċ-ċirkostanzi li wassluha titlaq mill-pajjiż tal-oriġini tagħha, u ttieħdet id-deċiżjoni li għandha tingħata protezzjoni f’Malta flimkien maż-żewġ uliedha.

Iżda d-Direttur Ġenerali  ħass il-ħtieġa li jwaqqfilha l-uniku forma ta’ introjtu li hija għandha, sempliċement għax meta saret spezzjoni fl-indirizz indikat minnha, hija ma nstabitx hemm.

Il-Qorti tqis li l-grad u l-kwalità tal-provi meħtieġa biex jiġi deċiż li għandu jitwaqqaf il-benefiċċju soċjali ta’ persuna, għandu jkun ferm ogħla minn hekk, u għalhekk il-Qorti tikkonkludi li d-deċiżjoni tad-Direttur ma kinitx korretta, u għandha tiġi revokata. 

Sport