Sunday, September 21, 2025

Regatta tal-Vitorja: L-Isla jirbħu t-tliet kategoriji iżda …

Aqra wkoll

L-Isla rreġistraw hat-trick fir-Regatta tal-Vitorja billi rebħu l-kategoriji kollha – Open, ‘B’ u tan-Nisa. B’hekk is-Sengleani rebħu l-Aggregate Shield għal 24 darba.

Iżda din ir-regatta kienet karatterizzata minn ħafna dewmien. Wara li bdiet kważi sagħtejn tard, lejn it-tmiem kien hemm dewmien ieħor ta’ kważi siegħa oħra minħabba li kien hemm il-ħtieġa li jinfetaħ il-Port il-Kbir u jitneħħa l-istart line biex jgħaddu l- opri tal-baħar bil-konsegwenza li l-aħħar tiġrijiet spiċċaw fid-dlam.

KATEGORIJA OPEN

Din il-kategorija bdiet bit- tiġrija tad-Dgħajjes tal-Midalji li fiha ħadu sehem biss erba’ dgħajjes, b’dik tal-Marsa tirtira hekk kif ipprotes­taw li d-dgħajsa tal-Isla daħ­let fil-korsija tagħhom.

Wara li attakkaw lill-Isla fuq in-naħa ta’ barra, il-Birgu rnexxielhom jieħdu l-vantaġġ fuq id-dgħajsa Maria tal-Fjamma biex spiċċaw fl- ewwel post f’ħin ta’ 5 minuti u 12-il sekonda. Fit-tielet post temmew Bormla.

L-ekwipaġġ tal-Birgu kien ifformat minn Kieran Zammit, Antoine Brignone, Clayton Darmanin u Sven Refalo.

Ħames clubs biss ipparteċipaw fit-tiġrija tal-Frejgatini li ġiet mirbuħa minn Bormla b’vantaġġ ta’ sitt tulijiet fuq l-Isla, f’ħin ta’ 7 minuti u 27 sekondi.

Il-Bormliżi kellhom taq­tiegħa mal-Birgu iżda meta waslu fil-Ponta tal-Isla, dawn tal-aħħar waqfu min­ħabba li missew id-dgħajsa ta’ Bor­mla. B’hekk l-Isla approfittaw biex daħlu fit-tieni post segwiti mill-Marsa.

L-ekwipaġġ rebbieħ fuq id-dgħajsa Maria ta’ Leli,  kien kompost minn Matthia Calleja u Mel Magro filwaqt li Thias Bugeja kien it-tmu­nier.

Ta’ min isemmi li din it-tiġrija ttardjat minħabba problemi fil-baga tat-tluq ta’ Bormla.

It-tiġrija tal-Pass ta’ bi Tnejn, ġiet mirbuħa mid- dgħajsa tal-Isla, Aurora, f’ħin ta’ 5 minuti u 51 sekondi, permezz ta’ Charvon Gatt u Matthew Micallef.

Fit-tieni post daħlu l-Birgu segwiti mill-Kalkara li b’photo-finish għelbu lill-Bormliżi leġġendarji, Clive Cas­ha u Dennis Thornton, li kellhom jikkuntentaw bir-raba’ post.

It-tiġrija tal-Kajjiki ntreb­ħet mid-dgħajsa tal-Isla, Za­ren Mifsud, misjuqa minn Davison Micallef u Denilson Long, f’ħin ta’ 6 minuti u 36 sekondi.

Huma ssuperaw lil Bormla u lill-Birgu li daħlu fit-tieni u fit-tielet pożizzjonijiet rispettivament.

It-tiġrija tal-Pass ta’ b’Erbgħa kienet l-aktar mistennija bil-Birgu joħorġu rebbieħa bid-dgħajsa Zu, bl-ekwipaġġ ikun kompost minn Antoine Brignone, Clyde Cutajar, Clay­ton Darmanin u Sven Re­falo, f’ħin ta’ 5 minuti u 25 sekondi.

Fit-tieni post spiċċaw l-Isla li permezz ta’ dan il-pjazzament rebħu din il-kategorija, b’Bormla jtemmu t-tielet. 

KATEGORIJA B

L-ewwel tiġrija kienet dik tal-Pass ta’ bi Tnejn li ntreb­ħet mill-Isla bid-dgħajsa Maria Victoria, misjuqa minn Clayton Azzopardi u Luke Ciantar, f’ħin ta’ 6 minuti u 32 sekondi,  fejn ħadu vantaġġ bikri li baqgħu jżommu sat-tmiem.

Lejn l-aħħar ġew attakkati minn Marsamxett li kienu segwiti mid-dgħajsa tal-Birgu.

It-tiġrija tal-Kajjikki kie­net dominata mid-dgħajsa tal-Isla bl-isem ta’ Żaren Mifsud, li temmet f’ħin ta’ 7 minuti u 10 sekondi.

Sa nofs it-tiġrija, il-qaddiefa, Yarik Agius u Denilson Long, fetħu vantaġġ ta’ ħames tulijiet biex imbagħad, ċerti mir-rebħa, bdew inaqqsu mir-rendiment tagħhom.

Fit-tieni post daħlu Birżebbuġa,  li kisbu l-ewwel punti u li ssuperaw lid-dgħajsa tal-Birgu, b’nofs qadfa.

It-tielet tiġrija, dik tad- Dgħajjes tal-Midalji kellha tittardja minħabba li eżatt qabel it-tluq ħareġ fin-nofs katamaran li kien sorġut max-xatt biex iħalli l-Port il-Kbir!  … U mbagħad kien hemm aktar dewmien min­ħabba false start.

Intant, id-dgħajsa Annie Ciappara, komposta minn Mattia Calleja, Mel Magro, Damien Attard u Denzel Thornton, irreġistrat l-ewwel punti għal Bormla meta b’mod mill-aktar konvinċenti rebħet din it-tiġrija f’ħin ta’ 5 minuti u 17-il sekonda.

Fit-tieni post daħlu l-Isla quddiem il-Birgu u meta kien fadal żewġ tiġrijiet oħra, is-Sengleani bnew vantaġġ ta’ 24 punt fil-quċċata tal-klassifika.

It-tiġrija tal-Frejgatini kie­­­­net waħda mill-aktar interessanti li eventwalment intrebħet minn Marsamxett bid-dgħajsa Carmen Seychell, f’ħin ta’ 7 minuti u 13-il sekonda.  

Kien lejn it-tliet kwarti tat-tiġrija li l-ekwipaġġ Belti, kompost minn Dusty Cassar u Ryan Degiorgio megħjuna mit-tmunier, Zayli Abela, beda jattakka u żied fil-qadfa tiegħu biex temm qabel Bormla filwaqt li l-Isla daħlu fit-tielet post.

It-tiġrija tal-Pass ta’ b’Erbgħa ntrebħet mid-dgħajsa Chanad tal-Birgu permezz tal-photo-finish, grazzi għal Yan Parascandolo, Adonai Gatt, Kurt Ellul u Jonathan Piscopo, f’ħin ta’ 5 minuti u 31 sekondi.

Huma għelbu lil Birżebbuġa u lil Marsamxett rispettivament. Dan ir-riżultat kien ifisser li l-Isla rebħu din il-kategorija.

FREJGATINI TAN-NISA

L-Isla rebħu t-tiġrija tal- Frejgatini tan-Nisa permezz tad-dgħajsa Kakkuwa, f’ħin ta’ 7 minuti u 30 sekonda, bil-qaddiefa jkunu Broo­ke Stivala, Kenzie Abela u t-tmunier Blair Rose Piscopo.

Fit-tieni post daħlu Bormla segwiti mill-Marsa.

KLASSIFIKA OPEN: 68 – Isla; 60 – Birgu; 34 – Bormla; 6 – Kal­kara; 4 – Marsa; 0 – Birżebbuġa, Marsamxett; Siggiewi

KLASSIFIKA B:  48 – Isla; 40 – Birgu; 32 – Marsamxett; 28 – Bormla; 24 – Birżebbuġa; 0 – Kalkara, Marsa, Siggiewi

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport