Wednesday, July 24, 2024

Regatta Jum il-Ħelsien: Bormla jirbħu Kategorija A filwaqt li l-Birgu u l-Kalkara jaqsmu Kategorija B

Aqra wkoll

minn Cristian Muscat

Il-club ta’ Bormla rebaħ ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien għall-14-il darba filwaqt li l-Kalkara u l-Birgu kisbu punti ndaqs fil-Kategorija B biex se jaqsmu x-Shield għal sitt xhur kull wieħed.

KATEGORIJA OPEN

Bormla rreżistew biex għelbu l-isfida tal-Birgu u tal-Isla biex komplew ikabbru n-numru ta’ suċċessi f’din ir-Regatta.

L-ewwel tiġrija kienet dik tad-Dgħajjes tal-Midalji li wara false start, kienu Bor­mla li temmew fl-ewwel post b’tul ta’ dgħajsa biex għelbu l-isfida tal-Isla li kienu segwiti mill-Birgu.

L-ekwipaġġ ta’ Bormla kien kompost minn Maximilian Mamo, Clive Casha Dennis Thornton u Romario Brignone.

It-tiġrija tal-Frejgatini ntre­b­ħet mill-Isla li kienet ripetizzjoni tas-sena li għaddiet hekk kif l-istess ekwipaġġ, kompost minn Davison Micallef, Clyde Mizzi u t-tmuniera Melvana Mical­lef, ittrijonfa b’tul ta’ dgħajsa u nofs fuq Bormla li kienu segwiti mill-Birgu.

F’din it-tiġrija kien hemm inċident hekk kif id-dgħajjes tal-Marsa u ta’ Birżebbuġa daħlu f’xulxin fejn kellhom jintervjenu l-uffiċjali biex tikkalma s-sitwazzjoni.

Dennis Thornton u Clive Casha rebħu t-tiġrija tal-Pass ta’ Bi Tnejn biex ikkonfermaw id-dominanza tagħ­hom fid-dgħajsa ta’ Bormla meta rreġistraw ħin ta’ 6’04”, li kienu segwiti mill-Birgu u minn Birżebbuġa.

Il-Birgu rebħu it-tiġrija tal-Kajjikki f’ħin ta’ 6’52” permezz ta’ Kieron Zammit u Nigel Sant li fl-aħħar mumenti għamlu attakk qawwi biex ittrijonfaw quddiem l-Isla u Bormla.

Il-Birgu rebħu t-tiġrija tal-Pass ta’ bl-Erbgħa meta Antoine Brignone, Clyde Cutajar, Clayton Darmanin u Sven Refalo daħlu fl-ew­wel post quddiem l-Isla u Bormla, b’dawn tal-aħħar jiksbu l-punti li kellhom bżonn biex ġew dikjarati rebbieħa tax-Shield.

Klassifika finali: 60 – Bormla; 58 – Birgu; 48 – Isla; 6 – Birżebbuġa; 0 – Kalkara, Marsa, Marsamxett, Siggiewi

KATEGORIJA B

Il-Birgu u l-Kalkara temmew id-dominju ta’ Bor­mla meta rebħu l-Aggregate Shield wara li spiċċaw b’punti ndaqs u għal­daqstant iżommu din ix-Shield għal sitt xhur kull wieħed.

L-ewwel tiġrija kienet dik tal-Pass ta’ Bi Tnejn li ntreb­ħet mill-Birgu f’ħin ta’ 6’45” mill-qaddiefa  Lo­renz Mizzi u Luke Ciantar.

Fit-tieni post daħlu l-Kalkara li taw sfida denja tul il-korsa kollha, li iżda, ċe­dew fl-aħħar battuti. Huma kienu segwiti mill-Isla.

It-team tal-Kalkara, iffurmat minn Christian Bugeja u Kurt Vassallo, rebaħ it-tiġrija tal-Kajjiki, f’ħin ta’ 6’14”, segwit minn Bormla u l-Isla.

Bormla rebħu it-tiġrija tad-Dgħajjes tal-Midalji, f’ħin ta’ 5’26” bil-protagonisti ta’ dan is-suċċess kienu Matthia Calleja, Nicholas Paris, Damien Attard u Denzel Thornton.

Huwa daħlu quddiem il-Kalkara u Marsamxett.

It-tiġrija tal-Frejgatini ġiet mirbuħa mill-Kalkara  biex komplew ikabbru l- vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika. Fit-tieni post daħlu Bormla segwiti mill-Birgu.

It-team tal-Greens kien kompost minn Kohath Mal­lia u Ryan Degiorgio bit- tmuniera tkun Deshaja Mif­sud.

Il-Birgu rebħu l-aħħar tiġ­rija, dik tal-Pass ta’ bl-Erbgħa biex rebħu x-Shield flim­kien mal-Kalkara li f’din it-tiġrija ma kklassifi­kawx … b’Marsamxett u l-Marsa jidħlu t-tieni u t-tielet rispettivament.

It-team rebbieħ kien magħmul minn Shardon Cassar, Dylan Portelli, Loran Zarb u Kurt Ellul.

Klassifika finali: 48 – Kalkara, Birgu; 36 – Bormla; 22 – Marsamxett; 10 – Isla; 8 – Marsa; 0 – Birżebbuġa, Siggiewi

*Qabel dan il-programm saret tiġrijia tal-Frejgatini tan-Nisa li ntrebħet minn dik tal-Birgu li temmet f’ħin ta’ 7’10” … fejn Shazel Grima u Glynis Mizzi reġgħu wrew is-supremazija tagħhom, bit-tmuniera tkun Gulia Vella.  Fit-tieni post spiċċaw l-Isla quddiem Birżebbuġa.

Ekonomija

Sport