Tuesday, April 1, 2025

Regatta Jum il-Ħelsien: Jirbħu l-Birgu (Open) u Birżebbuġa (B)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-Birgu rebħu l-Aggregate Shield ta’ Jum il-Ħelsien f’regatta li kienet karatterizza minn ħafna dewmin.

Dan kien il-ħames suċċess tal-Ġirbin … wara 33 sena … meta l-aħħar li rebħuha kien fl-1992 hekk kif t-tiġrija kienet issir mid-Dwana sal- Maċina.  Dak in-nhar huma kienu qasmuha mal-Marsa.

Huma  rebħu l-aktar tiġrija  importanti, dik tal-Pass ta’ b’Erbgħa u pplejsjaw fi tliet tiġrijiet oħ­ra biex tel­lgħu total ta’ 48 punt. 

Kategorija B, intrebħet minn Birżebbuġa għat-tieni darba minkejja li kellhom bidu negattiv.

Iżda huma għamlu rimonta tajba biex rebħu żewġ tiġrijiet u pplejsjaw fi tnejn oħra … għal total ta’ 52 punt. 

KATEGORIJA OPEN

L-ewwel tiġrija kienet dik tad-Dgħajjes tal-Midalji li kienet mill-aktar eċċitanti hekk kif  id-dgħajsa Inkurunata tal-Isla għelbet lil dik tal-Birgu bi frazzjoni ta’ sekonda, f’ħin ta’ 4’48” bil- Marsin jidħlu fit-tielet post.

L-ekwipaġġ Senglean kien kompost minn Davison Micallef, Glenn Zammit, Russell Bugeja u Andre Gau­ci. 

*Wara double false start, it-tiġrija tal-Frejgatini ntre­b­ħet mid-dgħajsa ta’ Bormla Marija ta’ Leli li għelbet lil dik tal-Isla b’photo-finish, f’ħin ta’ 7’02”, bil-Birgu jidħlu fit-tielet pożizzjoni.

B’hekk l-ekwipaġġ Bormliż, ifformat minn Matthia Calleja, Mel Magro u t-tmunier Thias Bugeja, temm id-dominanza ta’ Clyde Mizzi u Davison Micallef li reb­ħu din it-tiġrija fl-aħħar sen­tejn. 

*It-tiġrija  tal-Pass ta’ Bi Tnejn kienet karatterizzata minn kontroversja.

Din kellha terġa’ ssir. L-ewwel tiġrija kienet mirbuħa mill-Isla segwiti minn Bormla u l-Birgu. Iżda Bor­mla ressqu protest minħabba li fl-ewwel 200 metru, iż-żewġ qad­diefa tagħhom kellhom jieqfu għal ftit ħin minħabba li d-dgħajsa tal-Marsa daħlet fil-parametri tagħhom u ma setgħux  ikomplu jaqdfu.

Għaldaqstant it-tiġrija reġ­għet saret b’ħames dgħaj­jes u f’nofsha, dawk tal-Birgu, Bormla u l-Isla, irtiraw … biex ġiet mirbuħa mill- Kalkara b’Marianna, f’ħin ta’ 6’01” segwiti mis-Siggiewi … bl-ekwipaġġ ikun Gilmore Buttigieg u Godwin Buttigieg.

*Bormla rebħu l-isfida kontra l-Birgu biex ittrijonfaw fit-tiġrija tal-Kajjikki, f’ħin ta’ 6’22”, bid-dgħajsa Ismael Frendo, misjuqa minn Maximilian Mamo u Ro­ma­rio Brignone … bl-Isla jidħlu fit-tielet post.

*Il-Birgu rebħu t-tiġrija tal-Pass ta’ b’Erbgħa meta Antoine Brignone, Clyde Cutajar, Clayton Darmanin u Sven Refalo, fuq id-dgħajsa ZU, irnexxielhom jagħmlu dan għat-tieni sena konsekuttiva, f’ħin ta’ 5’18”.

Il-Ġirbin temmew qabel Bormla u l-Isla biex rebħu l-Aggregate Shield. 

KATEGORIJA B

L-ewwel tiġrija kienet dik tal-Pass ta’ Bi Tnejn li ntreb­ħet mill-Isla, bid-dgħajsa Maria Victoria, f’ħin ta’ 6’14” mill-qaddiefa  Clayton Az­zopardi u Luke Ciantar li ddominaw mill-bidu sal-aħ­ħar, tant, li rebħu b’erba’ tulijiet.

Fit-tieni post daħlu l-Birgu segwiti mill-Kalkara li għelbu l-isfida ta’ Bormla.

*It-team ta’ Birżebbuġa fuq il-Kajjik, Karmenu Vella il-Guy, rebaħ din it-tiġrija permezz tal-koppja Jean-Claude Cassar u Joseph Pace, li rreġistraw ħin ta’ 6’48” biex għelbu l-isfida tal- Isla u Marsamxett rispettivament li sal-aħħar 10 metri t-tliet dgħajjes kienu f’linja waħda. 

*Fuq id-dgħasja SportMalta, Birżebbuġa rebħu it-tiġ­rija tad-Dgħajjes tal-Midalji b’mod mill-aktar faċli meta ħadu vantaġġ kmieni li baqgħu jżommuh sal-aħħar, f’ħin ta’ 4’31”,  bil-protagonisti ta’ dan is-suċċess ikunu Matthew Dalli, Steven Dalli, Kevin Camilleri, Malcolm Vella.

Huwa daħlu quddiem Bormla u l-Isla.

*It-tiġrija tal-Frejgatini ġiet mirbuħa minn Marsam­xett bid-dgħajsa Carmen Sey­chell, li daħlet fl-ewwel post b’mod ixxamplat u b’vantaġġ ta’ sitt tulijiet, f’ħin ta’ 5’18”.

Fit-tieni post daħlu Bormla segwiti minn Birżebbuġa.

L-ekwipaġġ rebbieħ kien Dusty Cassar u Ryan Degiorgio bit-tmunier ikun Zayli Abela. 

*Siggiewi kitbu l-istorja meta rreġistraw l-ewwel reb­ħa hekk kif rebħu t-tiġrija tal-Pass ta’ bl-Erbgħa, bid-dgħajsa San Nikola, f’ħin ta’ 5’32” … bil-protagonisti jkunu Tiesto Caruana, Ryan Lee Zammit, Wayne Cassar u Leon Vella.

Huma kienu segwiti minn Birżebbuġa li permezz tat-tieni post rebħu x-Shield ta’ din il-kategorija b’Bor­mla jispiċċaw it-tielet.

*Qabel dan il-programm saret tiġrijia tal-Frejgatini tan-Nisa li ntrebħet minn dik ta’ Marsamxett li temmet f’ħin ta’ 7’45” … fejn Shazel Grima u Glynis Mizzi reġ­għu wrew id-dominanza tagħhom, bit-tmunier ikun Dale Scicluna.  Ta’ min jgħid li din kienet l-ewwel darba li Grima u Mizzi qadfu mal- Beltin hekk kif fil-passat ħallew il-marka tagħhom mal-Birgu.

Huma għelbu lil Bormla b’ħames tulijiet bid-dgħajsa tal-Birgu ttemm fit-tielet post.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport