Minn Cristian Muscat
L-Isla rebħu r-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien għat-12-il darba fl-istorja tal-club liema tiġrijiet kienu maqsuma fuq jumejn.
Dan minħabba li proprju fil-31 ta’ Marzu, din ir-regatta kellha tiġi posposta wara erba’ tiġrijiet minħabba l-maltemp u għaldaqstant kompliet ilbieraħ.
Ta’ min isemmi wkoll li l-Birgu komplew jieħdu sehem taħt protest wara li, fil-31 ta’ Marzu, huma ġew skwalifikati fit-tiġrija tal- Midalji ta’ Kategorija Open wara li spiċċaw fit-tielet pożizzjoni.
KATEGORIJA OPEN
L-ewwel tiġrija kienet dik tad-Dgħajjes tal-Midalji li ntrebħet mill-Isla, bid-dgħajsa, ‘Inkurunata’ f’ħin ta’ 4’36” mill-qaddiefa Davison Micallef, Glenn Zammit, Wayne Pike u Andre Gauci.
Fit-tieni post daħlu Bormla bil-Birgu jiġu skwalifikati wara li spiċċaw it-tielet.
Bormla rebħu t-tieni tiġrija – dik tal-Frejgatini bid- dgħajsa ‘Marija ta’ Leli’ bil- qaddiefa għalihom ikunu Matthia Calleja, Mel Magro u Huston Camilleri. Birzebbuġa temmew fit-tieni post segwiti mill-Birgu.
Fit-tielet tiġrija, dik tal-Pass ta’ Bi Tnejn, id-dgħajsa tal-Birgu ħadet vantaġġ bikri iżda b’mod gradwali, dawk tal-Isla u Bormla għamlu rimonta tajba biex eventwalment ħarġu rebbieħa l-Isla f’ħin ta’ 6’08”, fuq id-dgħajsa ‘Aurora’, bil- qaddiefa jkunu Charvon Gatt u Matthew Micallef.
Il-Ġirbin kellhom jikkuntentaw bit-tielet post meta ġew maqbuża wkoll mill-Bormliżi.
It-tiġrija tal-Kajjikki kellha tmiem mill-aktar eċċitanti hekk kif id-dgħajsa ‘Ismael Frendo’ ta’ Bormla daħlet fl-ewwel post b’qadfa aktar minn dik ta’ Birżebbuġa, bil-Birgu jidħlu fit-tielet post.
L-ekwipaġġ rebbieħ kien kompost minn Maximilian Mamo u Romario Brignone.
It-taqtiegħa għar-rebħ tax-Shield kienet tiddependi mill-aħħar tiġrija, dik tal-Pass b’Erba’ Mqadef, bejn ir-rivali Bormla u l-Isla.
Iżda filwaqt li Bormla waqfu f’nofs it-tiġrija, id- dgħajsa ‘Invicta’ tal-Isla daħlet fl-ewwel post, f’ħin ta’ 5’49”, biex rebħu wkoll din ir-regatta.
It-team kien kompost minn Owen Zammit, Charvon Gatt, Matthew Micallef u Denilson Long.
Huma għelbu l-isfida tal-Birgu u ta’ Birżebbuġa li daħlu fit-tieni u fit-tielet postijiet rispettivament.
KATEGORIJA B
Marsaxmett rebħu Kategorija B għas-sitt darba hekk kif rebħu tliet tiġrijiet minn ħamsa.
L-ewwel tiġrija kienet dik tal-Pass ta’ bi Tnejn li ntrebħet minn Marsamxett, bid- dgħajsa, ‘Lucia’ f’ħin ta’ 5’32” mill-qaddiefa Juan Farrugia u Wayne Cassar.
Fit-tieni post daħlu l-Isla u l-Birgu warajhom.
Bormla rebħu t-tieni tiġrija – dik tal-Kajjikki bid- dgħajsa ‘Il-Bormliż’ f’ħin ta’ 6’13” bl-ekwipaġġ ikun kompost minn Kyle Gauci u Osion McKinley. Huma għelbu l-isfida ta’ Marsamxett, bl-Isla jidħlu fit-tielet post.
Fit-tielet tiġrija, dik tal- Midalji, ħadu sehem tliet clubs wara li dawk ta’ Birżebbuġa, l-Isla u l-Kalkara ġew skwalifikati.
Din intrebħet mid-dgħajsa ‘Annie Ciappara’ ta’ Bormla, f’ħin ta’ 4’51”, li kienet misjuqa minn Mattia Calleja, Mel Magro, Lydon Pulis u Yanick Pace.
Fit-tieni post daħlu l-Beltin ta’ Marsamxett segwiti mill-Birgu.
Fit-tiġrija tal-Frejgatini kien hemm kontroversja meta Marsamxett ħarġu rebbieħa, li iżda, kienu se jiġu skwalifikati meta allegatament wieħed mill-qaddiefa qabeż il-baħar qabel ma d-dgħajsa ‘Carmen Seychell’ qabżet il-linja tat-tmiem.
Iżda tressaq protest mill- Beltin fejn sostnew li sakemm id-dgħajsa daħlet kollha, l-imsemmi qaddief kellu sieq waħda fid-dgħajsa … bil-protest jiġi milqugħ.
L-ekwipaġġ rebbieħ kien Rhys Fiteni, Deecon Abela Wilson u l-coxswain Clark Kyle Spagnol.
Fit-tieni post spiċċaw l-Isla segwiti minn Bormla.
L-aħħar tiġrija, dik tal-Pass b’Erba’ Mqadef, kellha tmiem bil-photo-finish fejn Marsamxett ġew dikjarati rebbieħa bid-dgħajsa ‘Carrie’, bil-qaddiefa jkunu Dirk Attard, Juan, Wayne Cassar u Royter Borg, li daħlu f’ħin ta’ 5’31”, li għelbu lil Birgu bi frazzjoni ta’ sekonda.
Fit-tielet pożizzjoni daħlu l-Isla.
*Saret ukoll it-tiġrija tal- Frejgatini tan-Nisa li ntrebħet minn Bormla bid-dgħajsa ‘Dhalia’ f’ħin ta’ 7’04”, permezz tal-qaddiefa, Kiahna Camilleri, Zanishia Pace u Rileyah Pace (coxswain). Il-Birgu daħlu fit-tieni post, bl-Isla jtemmu warajhom.
Kategorija A
Dgħajjes tal-Midalji
1. Isla – 4’36” (20 punt); 2. Bormla (12); 3. Birgu skwalifikati
Frejgatini
1. Bormla – 6’13” (12); 2. Birżebbuġa (8); 3. Birgu (4)
Tal-Pass ta’ bi Tnejn
1. Isla – 6’08” (20); 2. Bormla (12); 3. Birgu (6)
Kajjikki
1. Bormla – 6’54” (12); 2. Birżebbuġa (8); 3. Birgu (4)
Tal-Pass ta’ b’Erbgħa
1. Isla – 5’49” (24); 2. Birgu (16); 3. Birżebbuġa (8)
Klassifika Finali: 64 – Isla; 48 – Bormla; 30 – Birgu; 24 – Birżebbuġa; 0 – Kalkara, Marsamxett, Siggiewi
Kategorija B
Tal-Pass ta’ bi Tnejn
1. Marsamxett – 5’32” (20 punt); 2. Isla (12); 3. Birgu (6)
Kajjikki
1. Bormla – 6’13” (12); 2. Marsamxett (8); 3. Isla (4)
Dgħajjes tal-Midalji
1. Bormla – 4’51” (20); 2. Marsamxett (12); 3. Birgu (6)
Frejgatini
1. Marsamxett – 7’32” (12); 2. Isla (8); 3. Bormla (4)
Tal-Pass ta’ b’Erbgħa
1. Marsaxmett – 5’31” (24); 2. Birgu (16); 3. Isla (8)
Klassifika Finali: 76 – Marsamxett; 36 – Bormla; 32 – Isla; 28 – Birgu; 0 – Birżebbuġa; Kalkara; Siggiewi

