Tuesday, May 27, 2025

Regolamenti ġodda li jrawmu kultura pro-attiva ta’ sigurtà fl-industrija tal-kostruzzjoni

Aqra wkoll

“L-industrija tal-kostruzzjoni hi waħda mill-oqsma u pedamenti tal-ekonomija Maltija iżda li teħtieġ attenzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspett ta’ saħħa u sigurtà. Kien f’dan l-isfond li l-Gvern introduċa regolamenti ġodda ta’ xogħol f’siti ta’ kostruzzjoni li għandhom jidħlu fis-seħħ fis-7 ta’ Settembru li ġej u li għandhom l-għan li jindirizzaw dawn l-isfidi u jrawmu kultura pro-attiva ta’ sigurtà fl-industrija.”

Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard meta lbieraħ kienet qiegħda tiġi diskussa mozzjoni tal-Oppożizzjoni li titratta liġi sussidjarja importanti b’rabta mas-saħħa u s-sigurtà u li tiffoka fuq il-kostruzzjoni.

Il-Ministru Attard stqarr li dawn ir-regolamenti ġodda se jkunu qegħdin jissostwixxu regolamenti li jmorru lura għall-2018 u se jkunu introdotti bidliet fundamentali inkluż standards ogħla ta’ saħħa u sigurtà tal-ħaddiema f’dawn is-siti, responsabbiltajiet li huma ċari għal kull min għandu obbligu legali u twaqqif ta’ reġistru ta’ persuni kompetenti għal professjonisti tas-saħħa u s-sigurtà. 

Tkellem ukoll dwar l-inkjesta Sofia, li qal li offriet numru ta’ suġġerimenti u li ħafna minnhom diġà kienu fis-seħħ fi ħdan l-Awtorità. Madanakollu l-Gvern ħa passi konkreti biex imur lil hinn minn hekk u jiġu indirizzati lakuni fil-qafas regolatorju tagħna.

“Regolamenti ġodda li jnaqqsu dawn il-lakuni legali filwaqt li jassiguraw li l-qafas legali tagħna jibqa’ wieħed aġġornat anke ma’ dawk li huma avvanzi fit-teknoloġija u l-avvanzi operazzjonali. Dan il-qafas il-ġdid jenfasizza l-impenn attiv fil-mod kif titħares is-saħħa u s-sigurtà, ibiddel l-obbligu minn sempliċi ossevanza għal ġestjoni tar-riskju kontinwu kif ukoll kollaborazzjoni fost il-partijiet interessati inolvuti kollha fi proġetti tal-kostruzzjoni. 

“Dawn il-linji ċari ta’ responsabbiltajiet stabbiliti, ir-regolamenti għandhom l-għan li jipprevjenu kemm jista’ jkun inċidenti relatati max-xogħol u jassiguraw l-aspetti kollha tas-saħħa u s-sigurtà jiġu integrati matiul il-fażijiet kollha tal-proġett,” tenna jgħid il-Ministru Attard.

Irrefera wkoll għall-fatt li dawn ir-regolamenti ġodda jimponu wkoll obbligi addizzjonali fuq min iħaddem. Fil-fatt huwa spjega kif min iħaddem għandu mandat li jiżviluppa policy komprensiva dwar is-saħħa u s-sigurtà, li tiddeskrivi l-miżuri ġenerali għall-iżgurar tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. 

“Din il-politika trid tiġi riveduta perjodikament biex tadatta għaċ-ċirkostanzi li jkunu qed jinbidlu u min iħaddem huwa obbligat jikkomunikaha lill-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom. Barra minn hekk, iridu jinfurmaw lill-kuntratturi u lill-ħaddiema esterni dwar perikli potenzjali fuq il-post tax-xogħol u l-miżuri preventivi meħtieġa.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport