Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, daħlu r-regoli ġodda dwar ir-roaming. Dawn estendew ir-regoli dwar ir-roaming charges li kien hemm sa 2032 barra li estendew ukoll l-aċċess ta’ komunikazzjoni.
L-Għaqda tal-Konsumaturi tara dawn ir-regolamenti bħala pass importanti għall-konsumaturi speċjalment issa li t-turiżmu reġa’ nfetaħ fl-Ewropa. Il-bażi ta’ dawn ir-regolamenti hi li l-Ewropa hi suq wieħed.
Biex tassigura li dawn ir-regoli ma jiġux abbużati u l-benefiċċju għall-konsumaturi jintilef, l-Għaqda tal-Konsumaturi għadha kemm kitbet lill-Uffiċċu tal-Affarijiet tal-Konsumaturi biex jimmoniterja il-prezzijiet imposti mill-kumpaniji tal telekommunikazzjoni.
Ir-raġuni hi li ftit ta’ snin ilu diġa’ għaddejna minn esperjenza qarsa meta l-UE kienet ħarġet regoli simili biex meta kontijiet bankarji jiġu trasferiti minn Malta għal xi bank f’pajjiż ieħor fl-UE, il-prezz (charges) ikunu simili għall-prezz ta’ meta kont jiġi trasferit fl-istess pajjiż. Il-banek ma garrew xejn għax kull ma għamlu żiedu l-prezz ta’ meta kont jiġi trasferit ġo bank ieħor f’Malta. B’din il-mossa
mhux talli l-konsumaturi kienu tilfu l-benefiċċju ta’ dawn ir-regoli imma ffaċċjaw spejjeż akbar meta ċaqilqu kontijiet f’Malta stess. Dan mhux biss laqat lill-konsumaturi imma anki lin-negozji u b’hekk lill-ekonomija Maltija.
Aħna nittamaw li l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumaturi fl-MCCAA jieħu din l-inizjattiva biex jiggarantixxi l-interessi tal-konsumaturi.