Friday, November 22, 2024

Regoli ġodda li se jagħmlu riforma kruċjali fl-operat tal-Aġenziji tax-Xogħol

Aqra wkoll

Il-ġimgħa li għaddiet, f’isem il-Gvern ħabbart sett ta’ regoli ġodda u rigorużi li se jagħmlu bidla radikali fl-operat tal-Aġenziji tax-Xogħol jew kif inhuma magħrufin aħjar bħala Temping Agencies. Dawn ir-regoli se jassiguraw li dawn l-aġenziji, li jimpjegaw kemm ħaddiema Maltin kif ukoll barranin, ikunu regolati kif suppost u jrid bilfors ikollhom liċenzja sabiex ikunu jistgħu jġibu ħaddiema barranin biex jaħdmu f’pajjiżna.

B’din il-liġi l-Gvern qed iwettaq wegħda elettorali oħra, dik li ħadd ma jkun jista’ jħaddem nies miegħu mingħajr ma jkollu liċenzja. Din se twassal biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħna jkunu iżjed dinjitużi, ikun hemm reklutaġġ iżjed etiku, l-awtoritajiet ikollhom viżibilità u moniteraġġ tal-operaturi fis-settur u f’pajjiżna jiġu biss dawk il-ħaddiema li huma meħtieġa u b’hekk jiġi evitat l-abbuż.

Dawk il-kumpaniji li ma jkollhomx jew ikunu tilfu din il-liċenzja se jkunu qed jiġu skwalifikati minn kuntratti pubbliċi u mhux se jitħallew iġibu ħaddiema barra mill-Unjoni Ewropea. Dawk l-aġenziji li se jibdew jinqabdu jiksru l-liġijiet tal-immigrazzjoni jew tax-xogħol u ma jirrimedjawx, se jkunu qed jitilfu l-liċenzja biex joperaw. Dan ir-reġim legali tant b’saħħtu li se nkunu qed indaħħlu se jwassal għal iżjed kontroll fuq liema ħaddiema se jkunu qed jidħlu f’pajjiżna u wkoll f’liema setturi se jkunu qed jaħdmu.

Tajjeb li nsemmi li se nkunu qed insaħħu wkoll id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg (DIER) bil-għan li dan ikun jista’ jagħmel il-moniteraġġ neċessarju biex ikun hemm infurzar iżjed b’saħħtu u l-abbużi jitnaqqsu. Dan il-Gvern m’għandu l-ebda problema jirrikonoxxi li kien hemm każi ta’ abbużi.

Huwa għalhekk li ħassejna l-ħtieġa għal din il-bidla legali radikali f’dan is-settur fejn jekk ikun hemm ksur u abbuż, se jkun hemm pieni severi u rivokazzjoni tal-liċenzja. Skont is-severità tal-każ se jkun hemm istanzi fejn il-liċenzja tittieħed mal-ewwel u anki multi li jvarjaw minn €5,000 sa €30,000 għal min jinqabad jikser il-provvedimenti tal-liġi.

Din il-liġi se tkun qed tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ April 2024 imma mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla d-DIER ser jibda’ jilqa’ l-applikazzjonijiet. Il-kumpaniji u anki s-sole traders fil-fatt jistgħu jibdew jaħsbu minn issa biex iħejju d-dokumenti mitluba fil-proċess tal-applikazzjoni. Wara l-1 ta’ April, l-applikanti għandhom sal-1 ta’ Ġunju sabiex jaġġustaw l-operat tagħhom u jkollhom kollox konformi mal-liġi.

L-Aġenziji tax-Xogħol issa se jkollhom l-obbligu li japplikaw għal-liċenzja kull sena fejn l-ewwel pagament se jkun ta’ €3,000 u €1,500 għal kull sena li l-liċenzja tiġi mġedda. Bl-għajnuna tal-Pulizija, mal-applikazzjoni se jsir eżerċizzju ta’ diliġenza fuq l-applikanti, il-competent person, kif ukoll id-Diretturi tal-kumpanija qabel tinħarġilhom il-liċenzja biex joperaw.

Għalina l-isfruttament tal-ħaddiema huwa inaċċettabbli u b’din il-liġi għalhekk apparti li se nkunu qed inżidu iżjed dixxiplina se nkunu wkoll qed nagħtu iżjed sigurtà lill-ħaddiema li jaħdmu f’pajjiżna. Introduċejna fil-fatt garanzija bankarja ta’ €20,000 u f’każ li kumpanija jkollha jaħdmu magħha aktar minn 20 impjegat, iridu jipprovdu wkoll 2% tal-pagi annwali tal-ħaddiema.

Dan ir-rekwiżit huwa maħsub biex jiżgura konformità minn kwalunkwe aġenzija tax-xogħol matul it-terminu tal-liċenzja. Din ukoll tassigura ħlas lill-ħaddiema li jispiċċaw mingħajr xogħol minħabba negliġenza tal-kumpanija li tħaddimhom.

Din il-liġi għalhekk hija turija oħra ċara ta’ kemm il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma għal qalb dan il-Gvern. F’dan l-aħħar żmien fil-fatt komplejna nagħtu iżjed drittijiet lill-ħaddiema, tejjibna l-kundizzjonijiet tax-xogħol fosthom dawk tal-pjattaforma diġitali u riċentement ħabbarna wkoll żieda fil-paga minima nazzjonali.

Dawn il-miżuri flimkien mal-Budget għas-sena d-dieħla li tħabbar biss ftit tal-ġimgħat ilu jibqgħu juru kemm dan il-Gvern huwa gvern tal-ħaddiem. Gvern li jara li jibqa’ jimplimenta miżuri soċjali u li jibqa’ jħoss il-polz tal-poplu. Gvern li jara li jkollna Malta Ġusta għal kulħadd.

Sport