Sunday, December 22, 2024

Rekord assolut għal pajjiżna fl-2023

35% żieda ta’ skart organiku fuq is-sena ta’ qabel

Aqra wkoll

“L-ammont ta’ skart organiku sseparat li daħal għand il-WasteServ għall-ipproċessar din is-sena qed jirrifletti żieda ta’ madwar 35% fuq is-sena ta’ qabel. Dan se jkun rekord assolut għal pajjiżna fl-2023. Dawn ix-xejriet huma ferm pożittivi imma għad fadal aktar xi jsir sabiex nilħqu l-miri tal-pajjiż għas-snin li ġejjin,” hekk stqarret Stephaine Borg Mamo, il-kelliema ta’ WasteServ meta ġiet mistoqsija dwar diversi allegazzjonijiet li qed isiru li l-istess kumpanija qiegħda tħallat l-iskart jew saħansitra jintrema fil-miżbla.

“WasteServ tagħti garanzija li l-iskart kollu li jidħol mal-kollezzjoni tal-borża l-bajda u l-iskart organiku li jidħol fl-impjant ta’ Ta’ Qali qed jerġa’ jiddawwar f’riżorsa. Għad hemm skart organiku li sfortunatament qed jitħallat ma’ skart ieħor u jintefa’ fil-borża s-sewda qabel jasal għand WasteServ. Filwaqt li WasteServ qed tkompli taħdem biex tiskoraġġixxi aġir bħal dan, l-aħħar xejriet f’dan ir-rigward qed juru tnaqqis drastiku f’dawn il-prassi mhux sostenibbli,” tenniet Borg Mamo.

Spezzjonijiet rigorużi għal min jarmi skart għand WasteServ

“Kull skart li jiddaħħal fl-impjanti ta’ WasteServ hu suġġett għal spezzjonijiet rigorużi, u meta jiġi stabbilit li l-iskart ikun iddaħħal b’mod ħażin, jittieħdu passi neċessarji.”

Hekk stqarret l-istess kelliema tal-WasteServ wara li ntalbet spjegazzjoni dwar ritratt li beda jiċċirkola fuq il-midja soċjali dwar ammont kbir ta’ ħaxix li allegatament kien mormi l-Magħtab.

Meta ġiet mistoqsija direttament dwar ir-ritratt inkwistjoni, il-kelliema qalet lil Talk.mt li “r-ritratt indikat ma jagħtix biżżejjed informazzjoni dwar kif u fejn intrema’ l-iskart biex WasteServ tkun tista’ tikkonferma dettalji dwaru.”

Jirriżulta li WasteServ għandha struttura f’saħħitha ħafna biex kull vjaġġ li jsir (trakkijiet li jiġbru l-iskart) issir spezzjoni fuqhom u jekk skart li seta’ jinħabar b’mod sperata jinstab li jkun tħallat ma’ skart ieħor l-istess kumpanija tieħu l-passi neċessarji fejn anke tinforma lill-kollettur dwar dak li jkun instab.

Diversi persuni li kkummentaw dwar dan ir-ritratt allegaw li WasteServ mhux qiegħda tissepara l-iskart li jinġabar minn wara l-bibien u dan kien qiegħed jispiċċa kollu fil-miżbla.

Mitluba tispjega dwar x’jiġri fil-każ tal-iskart li jkun ġej mill-ikel, il-kelliema ta’ WasteServ sostniet li dwar dan it-tip ta’ skart tajjeb li nagħmlu xi distinzjonijiet.
“L-iskart organiku tal-borża l-bajda jidħol kollu f’impjant apposta u dan jiġi konvertit f’enerġija ħadra u rinnovabbli. Meta jiddaħħal skart organiku separat għalih, b’arranġament mal-bdiewa, li jkun jikkonsisti biss fi frott u ħaxix, dan jiġi proċessat fil-komposter li għandha l-WasteServ f’Ta Qali sabiex isir kompost biex jerġa’ jingħata lill-bdiewa. Madankollu, hemm ammont ta’ skart organiku li għadu jintefa fil-borża s-sewda u minkejja li WasteServ għandna sistemi fis-seħħ biex nieħdu dak kollu li nistgħu minn dan l-iskart imħallat, s’issa dan l-iskart fil-boroż suwed xorta jkollu jispiċċa fil-miżbliet,” tenniet Borg Mamo, il-kelliema ta’ WasteServ.

Problema li qed issir aktar komuni, u forsi għalhekk xi skart qed jispiċċa fil-miżbla minflok fil-faċilitajiet li fihom għandu jiġi proċessat biex jinbidel f’riżorsa hija l-kollettura mhux dejjem jiddikjara l-iskart tiegħu b’mod tajjeb. “Jekk il-kolletturi ma jiddikjarawx l-iskart bħala skart organiku separat iżda bħala skart imħallat, dan ma jkunx jista’ jiġi pproċessat biex jinbidel f’enerġija jew f’kompost,” tenniet il-kelliema.

Hi kompliet tgħid li “kull meta l-iskart ma jitħallatx, jista’ jinbidel f’riżorsa. Iżda meta skart jintrema ġewwa l-miżbla, dan jintilef għal dejjem. Għalhekk huwa importanti ferm li l-istakeholders kollha, fosthom l-industrija u l-kolletturi tal-iskart, jagħtu s-sehem tagħhom billi ma jħalltux skart li jista’ jiġi sseparat u jiddawwar f’riżorsa, minflok imur il-miżbla. Sabiex tkompli tinkoraġġixxi lil dawk li jiġġeneraw l-iskart biex il-materjal li jġibu fil-faċilitajiet ta’ WasteServ jasal isseparat mhux imħallat, is-sena l-oħra WasteServ introduċiet gate fees ġodda li jintalbu għal kull tunnellata ta’ skart, sabiex skart li jasal isseparat ikun irħas minn ta’ dak imħallat. Fil-fatt, dawk li bħalissa jdaħħlu skart organiku fil-faċilitajiet ta’ WasteServ bħala skart imħallat, iħallsu d-doppju għal kull tunnellata ta’ skart, ta’ kemm kieku jħallsu kieku l-istess skart jiddikjarawh bħala skart organiku sseparat.”

Ekonomija

Sport