Ix-xahar t’Ottubru huwa sinonimu ma’ attivitajiet li jgħinu biex titqajjem kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider. L-istudenti tal-KTI tal-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija ħasbu li jagħmlu attività li fiha jbigħu gallettini fil-forma taż-żigarella roża.
Dan qalitu The Malta Records f’messaġġ fuq Facebook, fejn spjegaw li din l-attività kienet parti mill-kurrikulu tal-KTI, suġġett bil-għan li jgħin lill-istudenti jippreparaw lilhom infushom għall-ħajja. Matul il-lezzjonijiet, l-istudenti ħolqu intrapriża żgħira bl-isem “Cookies and Ribbons”, ippreparaw poster għal din l-attività u bdew jippreparaw il-gallettini.
The Malta Records żaru din l-iskola u bi pjaċir ippreżentaw rekord nazzjonali ġdid, bl-ikbar ammont ta’ gallettini f’forma ta’ żigarella li hija s-simbolu dwar l-għarfien għall-kanċer tas-sider. Ingħad li b’kollox kien hemm total ta’ 580 gallettina għal tul ta’ 52.20 metri.