Fl-aħħar aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li l-każi attivi bħalissa huma ta’ 3,632.
Dan hekk kif mit-testijiet li saru matul l-aħħar 24 siegħa feġġew 733 każ ġdid filwaqt li 92 oħra ġew dikjarati bħala mfejqa mill-virus. Dan ifisser li pajjiżna rreġistra l-akbar ammont ta’ każi ġodda f’ġurnata sa mill-bidu tal-pandemija.
Fl-istess waqt l-ammont ta’ pazjenti li bħalissa jinsabu l-Isptar Mater Dei għall-kura minħabba l-Covid-19 huma 53, bi tlieta minnhom li jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
L-ammont ta’ mwiet baqa’ ta’ 473 hekk kif fl-aħħar 24 siegħa ma ġiet reġistrata l-ebda mewt marbuta mal-virus.
Il-programm ta’ vaċċinazzjoni baqa’ għaddej b’mod tajjeb hekk kif l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li sal-bieraħ b’kollox ingħataw 1,023,476 doża tal-vaċċin. Minn dawn hemm 181,278 li huma dożi tal-booster.