Friday, September 26, 2025

Rekord ta’ €135 miljun investiment fi stipendji u grants lill-istudenti

Aqra wkoll

“Fl-aħħar erba’ snin il-Gvern investa aktar minn €135 miljun direttament fl-istudenti permezz ta’ stipendji u grants u se jibqa’ jinvesti għaliex irridu l-aqwa għal uliedna.” Saħaq dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta ħabbar li minn nhar it-Tnejn 29 ta’ Settembru se jiftħu l-applikazzjonijiet biex l-istudenti japplikaw għall-istipendji u grants għal din is-sena skolastika.

Il-Ministru Clifton Grima enfasizza li dan l-investiment se jibqa’ għaddej: “L-istipendji se jibqgħu, u mhux biss se jibqgħu, imma se nkomplu nsaħħuhom. Fil-fatt illum qed inħabbru li ġew estiżi l-faxex tal-eliġibbiltà għall-għotjiet supplimentari, li mistennija jinkludu madwar 350 student ieħor. Tajjeb li ngħid ukoll li l-investiment ta’ aktar minn €135 miljun se jiżdied b’mod sostanzjali meta miegħu nżidu l-ammont ta’ stipendji u grants li se ninvestu fis-sejħa li qed nagħmlu llum,” qal il-Ministru Clifton Grima.

Il-Ministru Clifton Grima qal li dan huwa konferma tal-impenn tal-Gvern li jkompli jkun ta’ sostenn finanzjarju permezz tal-għotjiet ta’ stipendji u grants lill-istudenti kollha eliġibbli bil-għan li jgħin kemm lilhom u lill-familji tagħhom f’mument delikat u importanti fil-perkors edukattiv tagħhom.

Huwa fakkar ukoll fir-riforma fl-istipendji li kienet tħabbret fil-bidu tas-sena akkademika 2023/24 meta kien allokat stipendju għola (Prescribed) f’numru ta’ korsijiet ġodda b’investiment ta’ sitt miljun u nofs fuq tlett snin. B’dan l-investiment qed igawdu ’l fuq minn 4000 student u studenta.

Fis-sena akkademika 2024/25 kien tħabbar ukoll id-dħul tat-tieni fażi ta’ titjib fil-klassifikazzjoni ta’ numru ta’ korsijiet offruti mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) fil-livell 4 u mill-Università ta’ Malta fil-livell 6 tal-Kwalifiki tal-Qafas Malti. Din kienet it-tieni sena li matulha aktar studenti tal-MCAST li jkunu qed isegwu korsijiet fil-livell 4 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki bdew jibbenefikaw minn rata għola fl-istipendju u l-għotjiet li huma intitolati għalihom.

Il-Ministru Clifton Grima saħaq li l-ħidma tal-Ministeru qed tara li ma jkunx hemm studenti li ma jkunux jistgħu jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. “Nemmnu li m’għandux ikun hemm l-ebda student li jitħalla lura – anki minħabba l-aspett finanzjarju. Fuq kollox nemmnu li l-ikbar investiment li nistgħu nagħmlu huwa fl-aqwa riżors li għandu pajjiżna – ir-riżors uman. Dan qed nagħmluh b’mod konkret biex mhux biss jibbenefika l-istudent, imma l-pajjiż b’mod ġenerali, għaliex qed insaħħu wkoll il-provvista tal-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa tal-ekonomija,” kompla l-Ministru.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll Horace Laudi, Chairperson tal-Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment għall-Istudenti. Huwa qal li r-riformi f’dan is-settur baqgħu għaddejjin tant li l-Bord f’dawn l-aħħar xhur approva aktar korsijiet ġodda bħala prescribed courses biex aktar studenti jgawdu min stipendju ogħla. Huwa ħeġġeġ lil dawk eliġibbli kollha biex japplikaw kemm jista’ jkun kmieni u ma jħallux għall-aħħar. Studenti li japplikaw sa tmiem Diċembru 2025 ikunu kkunsidrati għall-istipendju sa mill-bidu tas-sena akkademika.

L-applikazzjonijiet għall-għotjiet ta’ Manteniment lill-istudenti għas-Sena Akkademika 2025/2026 jiftħu min nhar it-Tnejn, 29 ta’ Settembru 2025 fl-10:00. Aktar informazzjoni u l-applikazzjoni tinstab fis-sit https://stipendsandgrants.gov.mt/.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport