Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fit-tielet kwart tal-2025 kien hemm kważi 9,800 opportunita ta’ xogħol miftuħa f’pajjiżna. Din il-figura hija record storika, u hija madwar 1,200 opportunita aktar mill-istess żmien sena qabel.
Din iż-żieda qawwija fid-domanda għall-impjegi hija l-aktar fis-servizzi tas-saħħa u edukazzjoni, kif ukoll fis-servizzi professjonali. Madwar disgħa minn kull għaxar opportunita ta’ xogħol hija mas-settur privat. F’Settembru għal kull persuna tirreġistra kien hemm disgħa job vacancies miftuħa. Fl-2013 għall kull job vacancy miftuħa kien ikun hemm sebgħa persuni fuq ir-reġistru.
L-operaturi f’Malta fil-qasam tal-manifattura qed ifittxu li jżidu l-impjiegi magħhom b’2.7%, ftit anqas mit-2.8% fl-istess kwart sena qabel. Fil-kostruzzjoni hemm offerti ta’ xogħol ta’ 4.1% tal-impjiegi, anqas mill-4.4% sena qabel. Fl-istess ħin l-operaturi f’Malta fil-qasam tas-servizzi professjonali għandhom vacancies ekwivalenti għal 4.4% tal-ammont ta’ ħaddiema li għandhom bzonn, kumparat ma’ 4.2% sena ilu. Dan hekk kif hemm mal-2,457 post tax-xogħol mhux mimli f’dan is-settur important, litteralment ħemel ta’ karrieri prospettivi. Fl-istess ħin, fil-qasam tal-ħwienet, lukandi u ristoranti hemm talba għal kważi 2,900 ħaddiem aktar.
L-aktar bżonn relattiv għal ħaddiema jeżisti fil-qasam tal-infomatika, li għandu bżonn ikabbar b’5.1% l-ammont ta’ ħaddiema, jew madwar 700 opportunita x’jimtlew. Fis-settur tal-gaming, imbagħad, hemm bżonn ta’ 4.2% aktar ħaddiema, jew ftit anqas minn 650 opportunita aktar.
Huma l-kumpaniji li jħaddmu anqas minn 50 ħaddiem li l-aktar qed ifittxu li jimpjegaw aktar nies magħhom.
Skont l-agenzija statistika Ewropea speċifikament fit-tielet kwart tal-2025 pajjiżna kellu rata ta’ offerti ta’ xogħol mhux mimlija – job vacancies – ta’ 3.4%. Din ir-rata hija aktar minn dik ta’ sena ilu, 3.1%, kif ukoll minn dik tal-kwart ta’ qabel (3.2%). Fl-UE l-employers kellhom vacancies ekwivalenti għal 2.0% tal-postijiet kollha tax-xogħol. Malta filfatt kellha rata ta’ job vacancies it-tielet l-ogħla madwar l-UE, konferma ta’ kemm it-tkabbir ekonomiku huwa mistenni li jkompli fiż-żmien li ġej.
Intant l-aktar Labour Force Survey riċenti ppublikat mill-NSO jindika li fit-tielet kwart tal-2025 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel il-pagi f’Malta għollew bi 8.1%. Dan fi żmien ta’ nflazzjoni ta’ 2.4%. B’kuntrast fl-aħħar sena taħt l-amministrazzjoni preċedenti il-paga medja kienet għolliet b’1.9% biss, fi żmien meta l-inflazzjoni kienet 2.4%.
Skont l-NSO il-paga medja f’Settembru 2025 kienet €25,578, meta f’Marzu 2013 din kienet €15,923. Dan ifisser li kien hemm titjib ta’ €9,655 fil-paga bażika medja, jew 61% mill-bidla fil-Gvern. Ta’ min ifakkar li dan ma jinkludix żidiet fil-bonuses, overtime u allowances tal-ħaddiema, li qed isiru proporzjon dejjem akbar tad-dħul tal-ħaddiema. Tant li skont il-Eurostat id-dħul ta’ ħaddiem full-time f’Malta sar ilaħħaq €33,499.

