Tuesday, January 6, 2026

Rekord ta’ Maltin u turisti jżuru lil Għawdex fi żmien il-festi 

Aqra wkoll

“Il-fatti huma ċari u ma jistgħux jiġu miċħuda. Għawdex illum qed jattira numru rekord ta’ Maltin u turisti, prova ċara li l-investiment u l-ippjanar li qed isiru mill-Gvern u mill-Ministeru qed jagħtu r-riżultati.”

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li fiha rrifjuta b’mod kategoriku l-allegazzjonijiet infondati u politiċi tal-Partit Nazzjonalista, “li għal darb’oħra qed jipprova jimmina l-ħidma serja li qed issir mill-Gvern sabiex Għawdex ikompli jikber ekonomikament u soċjalment.”

Il-Ministru semma kif fl-aħħar xhur, il-vjaġġi tal-Gozo Channel żdiedu b’mod konsistenti u dan seta’ jsir ukoll permezz ta’ erba’ vapuri li għal dawn l-aħħar snin qdew il-ħtiġijiet li kien hemm bżonn.

Barra minn hekk, is-servizz tal-Fast Ferry ġarr rekord storiku ta’ aktar minn 1.2 miljun passiġġier fl-2025, ċifra rekord li turi kemm il-konnettività bejn Malta u Għawdex illum hija aktar affidabbli u jużaha kulħadd. Dan ifisser ukoll żieda ta’ 258,000 passiġġier, jiġifieri żieda ta’ aktar minn kwart ta’ miljun passiġġier fuq is-sena 2024. 

“Dan seta’ jsir ukoll għaliex il-Gvern ftiehem mal-operaturi fuq timetables aktar frekwenti biex jilqgħu għad-domanda qawwija, li tajjeb infakkru ma kinitx teżisti fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti,” intqal fl-istqarrija. 

Żied jingħad li huwa ironiku li l-Partit Nazzjonalista llum jippretendi li jinkwieta dwar Għawdex, meta għal snin twal kien jittratta lil Għawdex bħala mażżra, b’nuqqas ta’ viżjoni, staġjonalità qawwija u ekonomija li kienet tmut malli jgħaddi s-sajf. “Illum, bis-saħħa tal-politika ta’ dan il-Gvern, Għawdex qed jattira nies tul is-sena kollha.”

Għawdex ra żieda qawwija ta’ turisti fix-shoulder months, xhur li tradizzjonalment kienu jkunu kwieti u dan ma sarx b’kumbinazzjoni. F’Diċembru, f’Għawdex ġew organizzati 165 attività differenti relatati mal-Milied, li ġibdu eluf ta’ familji, Maltin u turisti lejn il-gżira. Dan huwa totalment il-kontra ta’ kif kien ikun Għawdex taħt amministrazzjonijiet preċedenti.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni li nħolqot il-Ġimgħa, il-Ministeru fakkar li minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp, kellu jiġi sospiż is-servizz tal-Fast Ferry u saru bidliet fir-rotta tal-vapuri, li kellhom jgħaddu minn wara Kemmuna, fatturi li jaffettwaw kwalunkwe operazzjoni marittima. Minkejja dan, il-Gozo Channel, flimkien mal-Pulizija u Transport Malta, ħadmu bla waqfien biex is-sitwazzjoni tiġi kkontrollata bl-aktar mod effiċjenti.

“Minflok ma japprezza l-isforz enormi li qed isir u s-suċċess li qed jintlaħaq, il-PN jagħżel li jipprova joħloq paniku u jinjora totalment ir-realtà li Għawdex illum qed jiffaċċja sfida pożittiva: dik ta’ suċċess u domanda qawwija.”

Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar temm jgħid li jibqa’ kommess li jkompli jsaħħaħ is-servizzi, jinvesti fil-konnettività u jiżgura li Għawdex jibqa’ destinazzjoni għal matul is-sena kollha, b’opportunitajiet għal kulħadd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport