Sunday, January 5, 2025

Rekord ta’ passiġġiera għaddew mill-Ajruport fl-ewwel nofs tas-sena

Aqra wkoll

Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, is-Sur Alan Borg, waqt konferenza tal-aħbarijiet żvela t-tbassir tat-traffiku aġġornat, li jindika li n-numru ta’ passiġġieri li mistennijin jgħaddu mill-ajruport sal-aħħar tas-sena se jkun simili għal dak li ġie rrappurtat fl-2019. Dan ġie mħabbar wara li l-ajruport kiseb riżultati tat-traffiku rekord fl-ewwel nofs tal-2023.

It-traffiku tal-ajruport fl-ewwel sitt xhur tas-sena ammonta għal 3.43 miljun passiġġier, jiġifieri żieda ta’ 5.6% fuq iċ-ċifri milħuqin fl-ewwel nofs tal-2019. Dan ir-riżultat poġġa lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fost grupp ta’ ajruporti Ewropej (48%) li rrappurtaw żieda fit-traffiku ta’ nofs is-sena meta mqabbel mal-2019. B’mod parallel, l-ajruport irreġistra seat load factors (SLF) tajbin, li laħqu l-ogħla livell tagħhom ta’ 86% f’Ġunju u anki qabżu l-livelli tal-2022 u l-2019.

Dawn ir-riżultati jindikaw li d-domanda għall-ivvjaġġar bl-ajru lejn Malta għadha b’saħħitha minkejja fatturi makroekonomiċi diffiċli. Madankollu, filwaqt li rrefera għal stħarriġ li ġie ppublikat mill-European Travel Commission (ETC) f’Lulju, is-Sur Borg innota li l-inflazzjoni u prezzijiet ta’ biljetti tal-ajru li qegħdin jiżdiedu huma mistennijin iħallu l-impatt tagħhom fuq id-domda għall-ivvjaġġar fl-Ewropa.

“Filwaqt li ninsabu tassew sodisfatti bil-prestazzjoni tagħna fl-ewwel nofs tas-sena, nifhmu li l-ħidma trid tkompli sabiex negħlbu kwalunkwe sfida li nistgħu naffaċċjaw u ma nitilfux ir-ritmu li qbadna. Għal dan il-għan, ninsabu impenjati li nkomplu naħdmu id f’id mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sabiex inkomplu ntejbu l-konnessjonijiet bejn il-gżejjer tagħna u pajjiżi oħrajn, partikolarment meta tqis li, sa issa, il-konnettività tagħna rkuprat b’pass aktar kajman mit-traffiku tal-passiġġieri,” qal is-Sur Borg, filwaqt li rringrazzja lit-tim tal-ajruport u s-sħab kollha tal-kontribut tagħhom għal riżultati eċċellenti.

Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef li, min-naħa tiegħu, ukoll esprima sodisfazzjon li l-prestazzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sarrfet ukoll f’numru rekord ta’ turisti. 

Is-Sur Micallef qal li filwaqt li għadna rridu naraw l-irkupru sħiħ tal-kapaċità minn swieq importanti, il-ħidma tal-awtorità flimkien ma’ dak kollu li għandha x’toffri Malta qegħdin iwasslu għall-użu aktar effettiv tal-ajruplani u riżultati tat-traffiku aħjar. Madankollu, bħas-Sur Borg, is-Sur Micallef innota li għad hemm ħafna xi jsir sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet kollha sabiex Malta tgawdi minn konnessjonijiet aħjar.

Waqt l-istess konferenza ġie żvelat li n-nefqa kapitali tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-ewwel sitt xhur tas-sena ammontat għal madwar €8 miljun, hekk kif diversi xogħlijiet madwar it-terminal u fuq il-mitjar komplew għaddejjin b’ritmu tajjeb. Filwaqt li jidher li l-ewwel fażi tax-xogħlijiet fuq Apron X ser titlesta sas-sajf tal-2024, bl-ewwel tliet spazji ta’ parkeġġ tal-ajruplani jkunu jistgħu jintużaw sa dakinhar, fl-aħħar kwart tas-sena ser jitnieda l-proġett tar-riabilitazzjoni estensiva ta’ Runway 23-05.

B’mod parallel, il-kumpanija qiegħda tippjana li tagħti bidu għall-ewwel fażi tal-proġett tal-espansjoni tat-terminal, li permezz tiegħu ser ikun hemm tkabbir ta’ 1,550 metru kwadru li ser jippermetti l-introduzzjoni ta’ rotta addizzjonali għall-passiġġieri li jkunu waslu f’Malta u ż-żieda ta’ żewġ reclaim belts ġodda sal-2024.
Wara li kkunsidrat il-prestazzjoni tagħha ta’ nofs is-sena u l-aspettattivi għax-xhur tax-xitwa, il-kumpanija ħabbret ukoll li ser tkun qed tħallas dividend interim nett ta’ €0.03c għal kull sehem lill-azzjonisti tagħha.

Ekonomija

Sport