Ċifri tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jindikaw li fi tmiem Frar inkiser rekord ieħor fejn jidħol it-tifdil tal-familji Maltin u Għawdxin. Dan hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja l-ammont ta’ depożiti tal-familji mal-banek lokali qabeż il-figura ta’ €20 biljun.
Filfatt bejn Jannar u Frar id-depożiti tal-familji żdiedu minn €19.9 biljun għal €20.2 biljun.Dan ifisser li f’xahar wieħed il-familji żiedu t-tfaddil tagħhom b’€218 miljun, jew kważi €8 miljuni kull jum.
Fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista b’kuntrast id-depożiti tal-familji kienu jiżdiedu b’€1 miljun biss kull jum, jew tmin darbiet anqas.
Fl-aħħar tnax-il xahar id-depożiti tal-familji mal-banek żdiedu b’€1.7 biljun.
Dan it-tkabbir kien daqs dak li kien seħħ fl-aħħar sitt snin ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista meħudin kollha flimkien.
Filfatt kemm ilu Prim Ministru Dr Robert Abela, il-familji Maltin u Għawdxin żiedu d-depożiti tagħhom b’madwar €7 biljuni, jiġifieri bi kważi kemm kienu faddlu fis-snin kollha mindu fetħu l-banek f’Malta sal-2012.
Fl-istess ħin anke l-qagħda finanzjarja tan-negozji kompliet sejra għall-aħjar. Id-depożiti tagħhom mal-banek lokali issa jlaħħqu €4.3 biljun, kważi kwint ta’ biljun ewro aħjar minn sena qabel. Fl-aħħar sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista, n-negozji kienu spiċċaw jieklu minn ġewwa minflok ifaddlu aktar mal-banek.
Interessanti wkoll il-fatt li s-settur pubbliku kellu €1.4 biljun depositati mal-banek fi tmiem Frar, żieda ta’ €237 miljun fuq sena qabel.
Amministrazzjoni Nazzjonalista kien ħalliet warajja depożiti ta’ €222 miljun, jew sebgħa darbiet anqas flus milli għandu bħalissa l-Gvern. Dak li Gvern Laburista faddal f’sena, Gvernijiet Nazzjonalisti damu 25 sena biex faddluh.

