Tuesday, January 6, 2026

Rekord ta’ viżitaturi u vjaġġi bil-Gozo Channel u bil-Fast Ferry fi żmien il-festi tal-Milied – 301,041 passiġġier jaqsmu l-fliegu

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li Għawdex sar l-għażla naturali ta’ eluf ta’ Maltin u turisti ta’ kull staġun li jagħżlu li jqattgħu ftit jiem ta’ mistrieħ fil-gżira Għawdxija, hekk kif is-sena kienet qed toqrob lejn tmiemha. Dan kien wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija Għawdex Gżira ta’ Villaġġi.

258,710 passiġġier qasmu minn Malta lejn Għawdex bil-vapuri tal-kumpanija Gozo Channel u viċiversa, bejn it-Tnejn, 22 ta’ Diċembru 2025 u l-Ħadd, 4 ta’ Jannar 2026. Dan l-ammont jirrifletti żieda ta’ 6.7% fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra.

Aktar minn hekk, il-kumpanija Gozo Highspeed, li topera s-servizz tal-Fast Ferry bejn il-Port il-Kbir u dak tal-Imġarr, ikkonfermat li ġarret xejn inqas minn 42,331 passiġġier bejn il-fliegu f’dawn l-istess jiem ta’ festi. Dan ifisser żieda ta’ 9,529 fuq l-istess perjodu tas-sena 2024–2025 jew żieda ta’ 29.05%.

Għalhekk, permezz tal-Gozo Channel u l-Fast Ferry fil-perjodu tal-festi tal-Milied tal-2025–2026 qasmu l-fliegu total ta’ 301,041 passiġġier, minn Malta għal Għawdex u viċiversa. Dan ifisser 9.3% żieda globali fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2012–2013 taħt amministrazzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista, il-perjodu tal-festi bejn l-2025–2026 fisser żieda rekord assolut ta’ passiġġieri li qasmu l-fliegu. It-total ta’ passiġġieri li qasmu l-fliegu, matul l-istess perjodu kien ta’ 301,041, li jfisser żieda rekord ta’ 133%, ferm aktar mid-doppju, fuq l-istess perjodu tal-2012–2013.

Il-Ministru Clint Camilleri laqa’ dawn iċ-ċifri rekord fejn ikomplu jikkonfermaw ix-xogħol li qed iwettaq il-Ministeru u diversi entitajiet oħra biex Għawdex ikun l-għażla naturali għal dawn il-jiem partikolari.

“In-numri minnhom nfushom huma diġà konferma tax-xogħol li qed inwettqu u jkomplu jimlewna b’aktar determinazzjoni u ħeġġa biex inkomplu naħdmu u nwettqu l-istrateġija li għandna għal Għawdex, dik li Għawdex ikun il-gżira ta’ kull staġun,” qal Camilleri.

Il-Ministru rrefera wkoll għall-istħarriġ tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex, fejn f’dan is-sondaġġ, 60% tal-operaturi turistiċi qalu li l-istabbilimenti li joperaw marru aħjar mis-sena l-oħra, filwaqt li kien hemm persentaġġ ta’ xi 20% li qalu li kien fuq l-istess livelli tas-sena l-oħra.

Il-Ministru Camilleri stqarr li rridu nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess u nassiguraw li l-elementi li jagħmlu lil Għawdex distint minn destinazzjonijiet oħra, dawk tal-kwiet, il-kalma u mimli b’diversi attivitajiet ikomplu jkunu element integrali fil-pjanijiet futuri tagħna.

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi rringrazzja lil kull min għażel lil Għawdex għal dawn il-jiem ta’ festi kif ukoll lil kull min kien parti biex għal sena oħra Għawdex offra pjattaforma unika, b’aktar minn 165 attività marbuta mal-festi tal-Milied.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport