Saturday, February 14, 2026

REKORDS ASSOLUTI FIT-TURIŻMU

Aqra wkoll

L-aħħar ċifri ppubblikati dwar it-turiżmu jikkonfermaw bl-aktar mod ċar dak li kien ilu jiġi antiċipat – li s-sena 2025 kienet se tkun sena oħra rekord f’dan il-qasam. Fil-fatt, in-numri juru li fit-12-il xahar tas-sena li għaddiet, waslu Malta aktar minn 4 miljun turist – rekord assolut – li bejniethom ħallew fl-ekonomija Maltija aktar minn 3.9 biljun ewro. 

Għalkemm dan ir-rekord huwa sinfikanti, b’danakollu dawn in-numri għandhom ikunu mixtarra u evalwati sew. Dawn, bla dubju qegħdin jirriflettu kemm pajjiżna, li huwa mogħni b’karatteristiċi uniċi li jinkludu attivitajiet matul is-sena kollha, qed ikun attraenti bi sħiħ għat-turisti li jżuruna. Jirriflettu wkoll kemm l-isforzi kordinati li qed isiru mill-awtoritajiet rispettivi qegħdin iħallu l-frott. 

Bla dubju wkoll kienet strumentali ħidmet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li b’kampanji ta’ reklamar lil hinn minn xtutna, kompliet tpoġġi lil Malta fuq il-mappa tas-swieq internazzjonali. Dan wassal sabiex Malta tikkonsolida aktar il-pożizzjoni tagħha bħala waħda mill-aktar destinazzjonijiet infittxija internazzjonalment fl-industrija turistika. 

Manakollu, filwaqt li dawn in-numri jawguraw tajjeb għaż-żmien li ġej u ta’ min wieħed ifaħħarhom u jkompli jibni fuqhom, irridu naċċertaw ruħna li l-mijiet ta’ eluf ta’ persuni li jiġu fostna kull sena ma jħallux impatt negattiv fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna. F’dan il-kuntest nifhmu li dan l-aspett, anke l-awtoritajiet qed jaraw il-ħtieġa kruċjali tiegħu u qed isiru l-isforzi kollha biex dawn l-impatti mhux mixtieqa jonqsu kemm jista’ jkun.

Fl-aħħar mill-aħħar, kif sostna d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, dan huwa wkoll il-mument li jkomplu jittieħdu d-deċiżjonijiet għaqlin fosthom il-bdil tar-regolamenti ta’ x’inhu aċċettabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-akkomodazzjoni fejn hemm se ssir enfasi fuq il-kwalità tal-post li se jilqa’ fih it-turist u mhux il-kwantità.

Hemm ukoll maħsub iżjed investiment fil-marketing tas-siti storiċi ta’ pajjiżna u l-investiment fi proġetti oħra bħal dawk tal-Blue Lagoon. Fuq kollox iżda, għandu jibqa’ r-rispett lejn il-komunitajiet fil-lokalitajiet u għal dan il-għan qed isiru proġetti pilota anke f’lokalitajiet bħall-Belt Valletta u s-Swieqi.

Fuq kollox, irridu naċċertaw li r-rekords, wieħed wara l-ieħor, li pajjiżna qed jikseb fis-settur turistiku, ma jitilgħux għal rasna. Għandna nkomplu nibżgħu għal dawk il-karatteristiċi kollha li jagħmluna Maltin. Jekk ma naċċettawx dan inkunu qed nipperikolaw li n-numri sbieħ fit-turiżmu jibdew imajnaw jekk mhux ukoll jogħsfru.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport