Sunday, January 19, 2025

Relazzjoni sesswali bejn omm u s-sieħeb imperrċa fuq iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ binhom

….tordna li tali informazzjoni titneħħa u tordna lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku iħallas kumpens ta’ €2,000

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Battalja legali li għamlu omm u s-sieħeb tagħha, minħabba li r-relazzjoni sesswali tagħhom spiċċat imperrċa fuq iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ binhom, wasslet biex il-Qorti Sede Kostituzzjonali tordna lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku biex jagħmel korrezzjoni u titneħħa kull informazzjoni u dettalji ta’ dikjarazzjoni dwar ir-relazzjoni sesswali bejn l-omm u s-sieħeb minn fuq iċ-ċertifikat ta’ binhom. Il-Qorti qalet li tali informazzjoni fun iċ-ċertifikat tat-twelid tneżża’ lil omm u s-sieħeb tagħha  minn ċertu dinjità u privatezza, u mhix se isservi biex tipproteġi xi drittijiet ta’ oħrajn. Il-Qorti qalet li ċertament il-ħajja tal-omm u s-sieħeb tagħha mhix kwistjoni ta’ interess għas-sigurtà nazzjonali, jew għas-sigurtà pubblika, jew inkella ser taffettwa l-ekonomija jew inkella toħloq xi diżordni fil-pajjiż. 

F’dan il-każ, l-omm isseparat minn mas-sieħeb tagħha fid-19 ta’ Ġunju tas-sena 2012 u sussegwentement isseparat legalment fit-8 ta’ Novembru tas-sena 2013. Ġara li aktar ’lquddiem iż-żwieġ ta’ bejn l-omm u s-sieħeb tagħha ġie annullat fid-9 ta’ Jannar tas-sena 2017. 

L-omm bdiet relazzjoni ma’ raġel ieħor u li minn din ir-relazzjoni twieled il-minuri fil-21 ta’ April tas-sena 2014. Meta twieled l-imsemmi minuri, l-omm kienet għadha legalment miżżewġa lir-raġel tagħha, u dan għax iż-żwieġ tagħhom kien għadu mhux dikjarat null. 

Minħabba l-preżunzjoni li teżisti fil-liġi li wild li jitwieled bejn żewġ miżżewġin huwa preżunt li l-konjuġi huma l-ġenituri tal-istess wild, biex ma jiġrix hekk f’dal-każ, l-omm u r-raġel  tagħha għamlu dikjarazzjoni skont l-artiklu 280(2)(c) tal-Kap. 16 tal-Liġijiet ta’ Malta. Tali dikjarazzjoni ġiet tidher fiċ-ċertifikat tat-twelid tal-minuri, liema dikjarazzjoni tidher taħt l-isem tal-omm fiċ-ċertifikat imsemmi, u kif ukoll hemm referenza għaliha taħt il-kolonna tal-annotazzjonijiet fl-istess imsemmi ċertifikat. 

Id-dikjarazzjoni tgħid li omm il-wild u r-raġel tagħha taħt ġurament iddikjaraw li għat-300 jum qabel twieled il-minuri huma ma kellhomx x’jaqsmu sesswalment ma’ xulxin.

L-omm u s-sieħeb il-ġdid tagħha bdew proċeduri fil-Qorti għax ħassew li din hi informazzjoni personali żejda li tikser id-drittijiet fundamentali tal-omm u s-sieħeb tagħha u dan taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet Fundemantali tal-Bniedem. Qalu ukoll li  din mhux biss tikser il-Protezzjoni tad- data iżda hija ukoll pprocessar ta` informazzjoni personali li mhix neċessarja għal finijiet ta’ ċertifkat ta’ twelid tal-minuri. 

L-omm u s-sieħeb tagħha bdew proċeduri biex inneħħu din id-dikjarazzjoni miċ-ċertifikat tat-twelid ta’ binhom. Huma applikaw mal-Kumissarju għall- Informazzjoni u l- Protezzjoni tad-Data sabiex dina d-Dikjarazzjoni titneħħa iżda ġiet miċħuda fl-10 ta’ Marzu tas-sena 2016. Huma appellaw mid-deċiżjoni u t-Tribunal ta’ l-Appelli dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data fit-23 ta` Marzu tas-sena 2017  laqgħet tali appell. Fid-deċiżjoni qal hekk: “jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjaru tal-10 ta’ Marzu tas-sena 2016 stante li fl-att tat-twelid tat-tarbija ġiet proċessata infornazzjoni fiċ-ċertifikat tat-twelid aktar minn dan rikjest mill-Kodici Ċivili, u għalhekk ma jistax jingħad li sar b’konformità”.

Ġara li d-Direttur tar-Registru Pubbliku xorta poġġa tali dikjarazzjoni bħala annotazzjoni fl-istess ċertifikat tat-twelid. Illi tali annotazzjoni xorta waħda hi żejda u hi ksur tal-privatezza. Id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku insista li tali korrezzjoni fl-att tat-twelid  sar skont il-Kodiċi Ċivili li jipprovdi li korrezzjonijiet ordnati mill-Qorti tar-Reviżjoni Notarili jiġu implimentati permezz ta’ annotazzjoni fil-ġenb tar-reġistru. Qal li ma jistax iħassar kompletament din id-dikjarazzjoni. Peress li ma kien hemm l-ebda emenda, l-omm u s-sieħeb tagħha baqgħu ibatu bl-istess ksur tal- privatezza. Qalu li  jekk wieħed janalizza l-artikolu tal-ligi in ezamini jiġifieri l-Artikolu 278 (c) u l-Artikolu 280 (2) (c) tal-Kodiċi Civili wieħed jara li qiegħda tinħoloq diskriminazzjoni bejn persuni li twieldu fiż-żwieġ u li twieldu barra ż-żwieġ, liema distinzjoni hi żejda u mhux neċessarja la darba persuna tista’ tiġi identifikata bl-isem u l-kunjom ta’ min hija ommha u missierha.
Jargumentaw li  l-Artikolu 280 (1) u 280 (2) joħolqu diskriminazzjoni bejn koppji li huma miżżewwġin u mhux legalment separati u koppji li huma miżżewwġin u legalment separati u dan għax ma hemm l-ebda distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta` koppji. Fil-każ ta’ dan il-wild, l-omm u r-raġel kienu mhux biss legalment separati, imma ukoll kien hemm in eżistenza skrittura privata bejniethom datata 19 ta’ Ġunju  fejn iffirmaw li l-omm flimkien ma` ulied il-partijiet allontanaw ruħhom mid-dar matrimonjali kif ukoll test tad-DNA meħud ftit ġranet wara t-twelid ta’ l-iben li juri li s-sieħeb il-ġdid tagħha kien il-missier. Argumentaw li l-liġi kif inhi msejsa qegħda tiddiskrimina kontra l-omm u dan  għax poggiet lill-istess omm bħala persuna li hija miżżewwġa iżda mhux legalment separata. 

Il-Qorti Sede Kostituzzjoni f’sentenza mogħtija mill-Imħallef Toni Abela qalet li “dak li jridu l-omm u s-sieħeb tagħha hu li ma ssir ebda referenza għar-relazzjoni personali tagħhom, bħal ma hija relazzjoni sesswali għax din hija informazzjoni ta’ natura intimament privata. Huma jargumentaw li mhux ħaġa sewwa, li dak li jkun jibqa’ jġorr għal għomru dan id-dettal ta’ intimità familjari, u dan meta l-pubbliku għandu aċċess liberu għal dokumenti bħal dawn. Issa din il-Qorti, taqbel ma’ dak li jsostnu l-omm u s-sieħeb tagħha li din hija intenzjonata għax propju ma jridx li informazzjoni tant sensittiva u intima ta’ persuna tkun faċilment disponibbli għall-bqija tad-dinja. Il-fatt, minn meta d-Direttur propona emenda f’Ġunju tas-sena 2021 u xorta waħda baqa’ ma sar xejn, b’dan ma jfissirx bil-fors, li l-Istat tal-lum qiegħed jikser id-dritt fundamentali ta’ l-omm u s-sieħeb tagħha. 

Fis-sentenza jintqal  li “l-Qorti tistaqsi lilha nnifisha, li kieku t-tarbija kienet tal-età fejn leġittimament setgħet tagħti l-kunsens tagħha biex informazzjoni daqstant sensittiva fuq il-ħajja tagħha titqiegħed fid-dominju pubbliku, kienet tagħti dan il-kunsens? Skond din il-Qorti t-tweġiba hija definittivament li le.  Għalhekk, din il-Qorti jidhrilha, li din informazzjoni personali u sensittiva dwar il-ħajja familjari u intima bejn l-omm u s-sieħeb tagħha u partikularment tat-tarbija mhix waħda mill-eċċezzjonijiet li minħabba fiha hu aċċettabbli li ssir xi interferenza f’dan id-dritt taħt artiklu 8 tal-Konvenzjoni. Dan għax, ċertament il-ħajja tal-omm u s-sieħeb tagħha mhix kwistjoni ta’ interess għas-sigurtà nazzjonali, jew għas-sigurtà pubblika, jew inkella ser taffettwa l-ekonomija jew inkella toħloq xi diżordni fil-pajjiż. Jekk xejn, tali informazzjoni u dettalji f’ċertifikat tat-twelid ixxejjen u tneżża’ lil omm u s-sieħeb tagħha  minn ċertu dinjità u privatezza, u mhix se isservi biex tipproteġi xi drittijiet ta’ oħrajn.”

Intqal li “sa fejn jirrigwarda terzi, li huwa importanti hu, l-isem u l-kunjom u li huwa verament iben naturali ta’ missier. Dan jingħad b’mod partikulari fid-dawl tal-fatt, li llum ma għadniex niddistingwu bejn tfal leġittimi u lleġittimi. Billi titneħħa din l-informazzjoni u dikjarazzjoni miċ-ċertifikat tat-twelid in kwistjoni, ma ttellef jew taħbi xejn mill-ħajja jew storja tal-minuri sa fejn għandha tkun taf is-soċjetà u terzi. Dak li l-liġi trid tistabilixxi hija, l-idenitità tal-persuna u mhux id-dettalji ta’ kif ġie konċepit.”

Is-sentenza kompliet tgħid li “hi l-fehma ta’ din il-Qorti li għandhom jitneħħew miċ-ċertifikat tat-twelid tal-minuri, il-kliem, d-dettalji u informazzjoni dwar ir-relazzjoni sesswali ta’ l-omm u s-sieħeb tagħha u li m’għandha lanqas issir ebda referenza għal artiklu 280(2)(c) innifsu fuq l-imsemmi att tat-twelid in kwistjoni.  Madanakollu, għandhom xorta waħda jibqgħu jidhru noti jew numri jew sinjali oħra fil-kolonna tal-annotazzjonijiet li jservu biss bħala referenza għal tali dettalji u informazzjoni sabiex wieħed ikun jista’ jirreferi għalihom separatament miċ-ċertifikat tat-twelid innifsu. B’hekk iżda ma jkunx jidher il-kontenut innifsu fuq iċ-ċertifikat, b’tali mod li jkun aċċessibbli u daqstant apert u li faċli jkun jaf tali dettalji intimi u mill-aktar privati, dak li jkollu tali ċertifikat tat-twelid fil-pussess tiegħu. B’hekk għandu jkun xieraq u jinżamm bilanċ bejn dak li hu informazzjoni li tibqa’ tinstab u tinżamm f’postha, u l-bilanċ għall-privatezza tal-familja, u kif ukoll b’rispett lejn id-dinjita` tal-bniedem. 

Il-Qorti ordnat lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jagħmel korrezzjoni biex titneħħa kull informazzjoni u dettalji ta’ dikjarazzjoni dwar ir-relazzjoni sesswali tal-omm u s-sieħeb. Il-Qorti ordnat lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku iħallas kumpens ta’ €2,000 bħala danni non-pekunjarji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport