Sunday, December 22, 2024

Relazzjonijiet personali bejn players nisa u coaches deskritti bħala “mhux xierqa”

Aqra wkoll

Ir-relazzjonijiet personali bejn il-players u l-coaches fil-football tan-nisa ġew deskritti bħala “mhux xierqa”, għaliex joħolqu “żbilanċ fil-poter” u jistgħu jwas­slu għal “abbuż potenzjali tal-players”.

Iżda għadhom jeżistu f’ħafna clubs fl-aqwa żewġ kampjonati fl-Ingilterra u diversi persuni qalu li fil-football tan-nisa kulħadd jaf b’mill-inqas wieħed.

Allura għaliex huma daqshekk komuni u għandhom jitħallew iseħħu?

Dan huwa suġġett meqjus bħala tabù li kkontribwixxa għat-tkeċċija ta’ Mark Sampson minn manager tal-Ingilterra fl-2017 u għadu jikkonċerna lill-membri tal-bord tal-clubs tas-Super League tan-Nisa, u diversi coaches u players.

U hija kwistjoni li reġgħet ġiet diskussa wara l-iskandlu riċenti fl-NWSL tal-Istati Uniti, fejn il-coach Ingliż Paul Riley tkeċċa mill-impjieg tiegħu f’North Carolina Cou­rage wara allegazzjonijiet ta’ mġieba ses­swali mhux xierqa ma’ żewġ players, li hu ċaħad.

Waħda minn dawk il-players – Mana Shim, li kienet ikkowċjata minn Riley f’Portland Thorns – qalet li sebgħa mit-tmien coaches irġiel li ħadmet magħhom kellhom relazzjonijiet personali ma’ players, u waħda minn erba’ coaches nisa.

“Hemm żbilanċ fil-poter li jagħmel kwalunkwe relazzjoni sesswali jew romantika mhux xierqa,” żiedet tgħid. “Għaliex din hija n-norma tagħna?”

Mistoqsijiet simili tqajmu wara li Sampson tilef l-impjieg tiegħu wara “imġieba mhux xierqa u inaċċettabbli” ma’ players fir-rwol tiegħu fi Bristol Academy.

Iżda minħabba li r-relazzjonijiet bejn il-players u l-coach mhumiex illegali, sa­kemm ma jkunu nvoluti l-ebda minorenni, xorta jitħallew iseħħu, għalkemm jistgħu jiksru kodiċi ta’ kondotta.

Dan iwassal għal dawk meqjusa bħala żoni griżi – mhux megħjuna minn kultura perċepitá ta’ silenzju fil-logħba minħabba li ħafna kellhom esperjenza diretta jew in­diretta ta’ relazzjonijiet personali bħal dawn.

Huwa għalhekk li hemm sejħiet minn players, coaches u unions għal aktar edu­kaz­zjoni dwar dik li hija kwistjoni sensit­tiva ħafna.

Għaliex tibqa’  kulturA siekta?

Wara l-iskandlu tal-NWSL, ħarġu aktar allegazzjonijiet ta’ fastidju sesswali fil-football tan-nisa madwar id-dinja.

Dan isegwi mudell riċenti fi sports ieħor, bħall-ġinnastika u l-għawm, fejn in-nisa resqu biex jitkellmu dwar abbuż riċenti jew storiku minn coaches irġiel.

Iżda fil-football Ingliż, dan jidher li għadu ma seħħx.

Mhix sorpriża jekk il-players għażlu li jibqgħu siekta dwar esperjenzi tal-passat, kemm jekk dan hu abbuż jew il-konsegwenzi ta’ relazzjoni personali bejn player u coach.

Dan minħabba li hemm l-għajxien tal-players in kwistjoni. Ma nistgħux nistennew li l-players jirriskjaw il-karriera tagħhom u jitkellmu dwar mikro-aggres­sjonijiet jekk il-proċeduri ma jkunux fis-seħħ, u ma jkunx hemm xibka ta’ sikurezza għalihom. 

Dan minbarra li persuni mhumiex lesti li jieħdu deċiżjonijiet iebsin dwar din il-kwistjoni, jew jaġixxu bħala whistleblowers, sabiex jipproteġu lilhom infus­hom.

“Dawk f’pożizzjonijiet ta’ poter jibżgħu li jimplimentaw ir-regoli minħabba li jistgħu jkunu nvoluti huma stess,” qal sors wieħed. Ieħor qal li jkun hemm ħafna nies iħarsu b’ċertu xettiċiżmu u biżgħa wara l-allegazzjonijiet riċenti fl-Istati Uniti.

L-FA Ingliża qalet li ħeġġet lil “kull player li jkun jew esperjenza kondotta ħażina jew abbuż biex iressaq u jirrapporta t-tħassib tiegħu” iżda rrikonoxxiet kemm dan jista’ jkun ta’ sfida.

Il-korp governattiv ma pprovdiex numri ta’ kemm intużaw il-proċeduri ta’ salva­gwardja tiegħu, ħlief biex jingħad li kien hemm “każi regolari ta’ riferimenti” li jibqgħu kunfidenzjali.

Il-korp żied jgħid: “L-FA tinvestiga bis-sħiħ it-tħassib dwar is-salvagwardja u l-kondotta ħażina u tieħu l-kwistjonijiet kollha bis-serjetà.”

Ekonomija

Sport