Il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, immexxija mill-Patrijiet Franġiskani fir-Rabat, se tkun qed toffri esperjenza spiritwali unika nhar il-Ħadd li ġej, 7 ta’ Settembru. Fis-9.45am waqt il-Quddiesa solenni, it-tfal kollha preżenti se jingħataw bħala rigal ktieb dwar il-ħajja tal-Qaddis żagħżugħ Carlo Acutis, grazzi għall-ġenerożità ta’ Fra Lorrie Zerafa OFM.
Għall-okkażjoni, fuq l-Artal Maġġur tal-Knisja ser tkun ukoll esposta relikwa f’forma ta’ bust tal-Qaddis Carlo Acutis, xogħol l-artist magħruf Adonai Camilleri Cauchi. Din il-preżenza artistika u reliġjuża se tkun opportunità biex il-fidili joqorbu aktar lejn ix-xhieda tal-fidi ta’ Acutis.
Il-Quddies f’din il-Knisja fil-Ħadd jibda fis-7.15am, 8.30am, 9.45am u 11.00am. Barra minn hekk, minn dan il-Ħadd ’il quddiem, il-fidili jistgħu wkoll jiksbu s-santi ġodda b’talba ġdida ddedikata lill-Qaddis Carlo Acutis.
Min hu San Carlo Acutis?
Carlo Acutis (1991–2006) kien adolexxenti Taljan magħruf għall-fidi soda tiegħu u l-imħabba lejn l-Ewkaristija. Minkejja li għex f’era diġitali, juża’ t-teknoloġija biex ixandar il-Vanġelu u jippromwovi d-devozzjoni lejn il-Quddiesa u l-Adorazzjoni Ewkaristika. Kien magħruf għall-ġenerożità tiegħu lejn il-foqra u l-emarġinati, u għall-kapaċità li jġib ħbieb u sħabu eqreb lejn Alla b’mod sempliċi u ħaj.
Carlo miet fl-età ta’ 15-il sena b’leukemia aggressiva, iżda l-eżempju tiegħu baqa’ ħaj. Ġie beatifikat mill-Papa Franġisku fl-2020, u huwa magħruf bħala “l-influencer ta’ Alla”. Illum huwa venerat bħala patruna speċjali għaż-żgħażagħ u dawk kollha li jħaddnu l-fidi b’qalb sempliċi.
Din l-inizjattiva fir-Rabat tkompli tħeġġeġ lill-fidili biex jaraw f’Carlo mudell kontemporanju ta’ qdusija, speċjalment għal dawk iż-żgħażagħ li jfittxu li jgħixu l-Vanġelu fil-ħajja ta’ kuljum.