Il-Knisja Kattolika ħadet ħasda kbira x-xahar li għadda meta relikwarju prezzjuż tad-deheb li jingħad li kien fih qtar tad-demm ta’ Ġesù Kristu nsteraq ftit qabel ċelebrazzjoni annwali fit-Tramuntana ta’ Franza. Is-serqa seħħet inqas minn ġimagħtejn qabel il-Quddiesa annwali li tiċċelebra r-relikwa “tad-Demm prezzjuż” li tmur lura għall-Medju Evu.
Għal elf sena sħaħ, l-abbazija ta’ Fécamp fin-Normandija ilha tkun miżgħuda bil-pellegrini li jżuruha biex iqimu r-relikwi tad-“Demm Prezzjuż ta’ Kristu”.
Sitt ġimgħat wara s-serqa, ditektiv tal-arti Olandiż iddeskriva kif ir-relikwi ġew għandu wara li kienu tpoġġew minn xi ħadd wara l-bieb tiegħu fl-10:30 ta’ filgħaxija. Huwa żied jirrakkonta li sema’ l-qanpiena tal-bieb ta’ barra u meta ħareġ jittawwal mill-gallarija tad-dar fid-dlam ra kaxxa iżda ma ra lil ħadd ħdejha.
Sebgħa sa tmienja fil-mija tal-arti misruqa tiġi rritornata iżda ħafna minnha tiġi meqruda, iżda skont id-ditektiv Olandiż, il-ħalliel ma kellu ebda idea ta’ x’kien fih ir-relikwarju li seraq.
Ir-relikwi nsterqu tard bil-lejl tal-1 ta’ Ġunju mis-sagristija f’Fécamp, fil-Grigal tal-port ta’ Le Havre. Il-ħalliel huwa maħsub li kien issakkar fil-bini matul il-lejl f’ħin li s-sigurtà kienet minima.
Ir-relikwarju kien fih żewġ kontenituri taċ-ċomb li, skont il-leġġenda, kienu ntefgħu fil-baħar f’bagoll u kienu mbuttati lura lejn l-art f’Fécamp. Minbarra l-bozoz taċ-ċomb, insterqu numru ta’ platti liturġiċi u oġġetti oħra.
Id-ditektiv Olandiż, li huwa magħruf ħafna għax-xogħol tiegħu fit-traċċar tal-arti u l-artefatti misruqa, iddeskriva kif ġie kkuntattjat b’email minn xi ħadd li żvela li r-relikwi kienu nħażnu fid-dar ta’ ħabib tal-ħalliel.
Bħala Kattoliku nnifsu, huwa qal li għadda l-kaxxa lill-pulizija biex jirritornawhom fl-abbazija wara li ntebaħ x’kien fiha. Qal ukoll li ma jistax jemmen is-sbuħija tar-relikwi, u ddeskriva l-mument li fetaħ il-kaxxa bħala “esperjenza awtentika, reliġjuża”.
L-Isqof ta’ Le Havre Jean-Luc Brunin qal li s-serqa kienet attakk insupportabbli fuq il-fidi tan-nies li hi parti minn tradizzjoni li tmur lura għas-seklu 12.