Il-mira ta’ Milan, Renato Sanches, issa huwa rapportat li jinsab jiem biss ‘il bogħod milli jiffirma ma’ Paris Saint-Germain wara li laħqu ftehim ma’ Lille.
Ir-Rossoneri ilhom ammiraturi kbar tal-midfielder Portugiż ta’ 24 sena u kienu ilhom jittamaw li jżiduh mal-iskwadra ta’ Stefano Pioli dan is-sajf, iżda l-kompetizzjoni mal-Pariġini wriet li hija impossibbli li titneħħa.
Kif rappurtat mill-media Franċiża, PSG u Lille laħqu ftehim fuq il-bażi ta’ €12-il miljun flimkien ma’ żidiet oħra, u Sanches issa lest li jiffirma mal-club, possibilment kmieni l-ġimgħa d-dieħla.
Ix-xewqa tal-midfielder Portugiż li jingħaqad mal-ġganti Franċiżi fl-aħħar mill-aħħar għamlet id-differenza, bl-offerta ta’ Milan lil Lille fil-fatt tkun ogħla,meta hija ta’ €15-il miljun flimkien ma’ €3 miljun f’żidiet oħra.
Sanches issa mistenni jgħaddi mill-eżami mediku ta’ qabel it-trasferiment tiegħu ma’ PSG il-ġimgħa d-dieħla qabel itir lejn il-Ġappun biex jingħaqad magħhom fit-tour li qed jagħmlu ta’ qabel l-istaġun.