Residenti ta’ Dar il-Wens fil-Kalkara, li tilqa’ fiha persuni b’diżabbiltà, ġew rilokati f’residenzi oħra minħabba l-istat tal-istruttura tal-binja.
Il-Ministeru għall-għall-Politika Soċjali u l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat ħabbar dan ilbieraħ. Fi stqarrija intqal li l-Awtorità tal-Istandards għall-Ħarsien Soċjali ħadet id-deċiżjoni wara evalwazzjoni ta’ rapport li ntalab minnha u li ġie provdut mill-amministrazzjoni ta’ Dar il-Wens fis-7 t’Awwissu.
Komplew jgħid li dan ir-rapport dwar l-istruttura tal-binja kkonkluda li hemm bżonn li r-residenti jiġu rilokati b’mod immedjat fl-aħjar interess tagħhom u tal-ħaddiema.
Qalu li din il-miżura hija waħda prekawzjonarja u tifforma parti minn pjan strateġiku aktar wiesa’ u fit-tul. Intqal li l-familji tar-residenti nżammu infurmati matul il-proċess bl-għajnuna ta’ kull entità nvoluta f’dan il-każ.