Thursday, December 26, 2024

Residenti ta’ Wied il-Għajn u l-Moviment Graffitti jappellaw il-permess tal-PA għall-Piċċ tal-Waterpolo

Aqra wkoll

Bosta residenti flimkien mal-Moviment Graffitti appellaw mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li jkunu approvati Piċċ tal-Waterpolo, clubhouse u ristorant qrib Triq is-Salini f’Wied il-Għajn. L-iżvilupp se jkun jinvolvi skavar estensiv ta’ qiegħ il-baħar u dredging kif ukoll se jkun qiegħed jillimita lill-pubbliku milli jaċċessa u jgawdi l-kosta, u se jkun qed joħloq diversi inkonvenjenzi permezz tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ żona residenzjali f’Wied il-Għajn. L-appallanti talbu wkoll li x-xogħlijiet jiġu sospiżi sakemm jinqata’ l-appell.

Fost il-punti li ssemmew mill-objetturi fl-appell hemm in-nuqqas ta’ konformità tal-iżvilupp ma’ diversi policies tal-ippjanar. Il-Pjan Lokali jelenka b’mod ċar it-tipi ta’ żvilupp li huma permessi f’din iż-żona u piċċ tal-waterpolo mhux wieħed minnhom. L-applikanti ppruvaw jiġġustifikaw l-iżvilupp billi ppreżentawh bħala proġett “marittimu”, meta fil-fatt il-piċċ tal-waterpolo se jimtela’ bl-ilma ħelu, mhux bl-ilma baħar. Pixxina li tuża ilma ħelu m’għandhiex għalfejn tinbena fejn il-baħar. Tant hu hekk li l-Pixxina Nazzjonali ta’ Malta, li tuża ilma ħelu, qiegħda qalb il-bini. Il-bini ta’ struttura enormi f’Wied il-Għajn se tkun qed tikser ukoll ir-regoli tal-iSPED dwar l-estetika u l-aċċess tal-pubbliku għall-kosta.

Postijiet alternattivi, bħal per eżempju li jkompli jsir żvilupp fuq il-piċċ ġa eżistenti fiż-Żonqor, lanqas biss ġew ikkunsidrati mill-applikanti.

L-argument tal-appellanti huwa li l-ħsara li se ssir minn din l-istruttura ma tista’ bl-ebda mod tkun ġustifikata bil-benefiċċji tagħha, speċjalment meta tqis li dan il-piċċ tal-waterpolo se jiġi użat biss fix-xhur tas-sajf. Għall-kumplament tas-sena se tkun qed tintuża l-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. L-appellanti jinnutaw ukoll li hemm xi attentati biex jinbidel l-użu taż-żona biex spazju pubbliku miftuħ fuq il-kosta qrib is-sit ikun permess li fuqu jsir żvilupp ta’ bini u lukandi. Kieku dan kellu jseħħ, il-piċċ ta’ Wied il-Għajn ikun jista’ faċilment isir lido ta’ lukanda – eżempju ieħor ta’ kif art pubblika tiġi privatizzata għal skopijiet ta’ qliegħ privat u ta’ kif tibdel kosta naturali f’konkrit.
L-appell jippreżenta ħafna argumenti li jenfasizzaw l-impatt negattiv enormi li din l-istruttura massiċċa tal-konkrit se jkollha kemm fuq in-nies kif ukoll fuq l-ambjent. Flora protetta bħal Posidonia, se tiġi meqruda biex qiegħ il-baħar jiġi reklamat għall-kostruzzjoni tal-piċċ. Barra minn hekkk, planka enormi tal-konkrit ġol-bajja żgħira ta’ Wied il-Għajn hija bla dubju barra minn lokha u se tħalli impatt ikraħ ħafna fuq id-dehra tal-post. Il-proġett se jżid ukoll it-traffiku, it-tniġġiż tal-istorbju, kif ukoll se jnaqqas il-postijiet tal-parkeġġ, f’żona residenzjali li hija diġa konġestjonata. Ir-rapport tal-PA li jirrakkomanda li jkun approvat il-proġett kien ta l-impressjoni falza li l-piċċ se jkun qed jinbena f’żona ta’ divertiment, mhux f’żona li hija primarjament residenzjali.

L-appell ġie ppreżentat grazzi għall-ħafna residenti u ċittadini imħassbin li kkontribwew finanzjarjament biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż legali u professjonali. Huwa ċar li n-nies xebgħu jiġġieldu kontra proġetti ta’ żvilupp li qegħdin kontinwament jheddu l-ambjent li jgħixu fih u l-kwalità ta’ ħajjithom.

Ekonomija

Sport