Saturday, November 16, 2024

Residenti tal-Fgura jesprimu tħassib dwar il-qerda tal-aħħar razzett antik

Aqra wkoll

Residenti mill-Fgura esprimew it-tħassib tagħhom hekk kif ilhom xhur jipprovaw ifehmu lill-Kunsill Lokali tal-Fgura biex ma jinqeridx dan l-aħħar razzett antik fil-Fgura. 

Immexxija minn Aldo Busuttil, dawn ir-residenti jridu lill-Kunsill tal-Fgura biex jikkonvinċi lill-Gvern ħalli jbiddel il-politika tal-pjani tal-lokal. Minn hemm imbagħad jemmnu li għandhom isiru studji fiż-żona biex flimkien mal-esperti jitfassal proġett ambjentali speċifiku b’diskussjoni mar-residenti tal-madwar.

Madankollu, Busuttil qal li wara xhur sħaħ jaħdem u jwassal il-ħsibijiet tiegħu, iħossu ddispjaċut li wħud mill-kunsilliera waqt il-laqgħa tal-Ġimgħa li għaddiet ipprovaw jinterpretaw ħażin il-viżjoni tiegħu għar-riġenerazzjoni taż-żona tar-razzett l-antik. 

Spjega li d-dokument li għadda kien intenzjonat biex il-kunsill jimbarka fuq kampanja u mhux biex isir proġett speċifiku. Saħaq li kien għalhekk li hu ma ppreżentax kemm jiswa l-proġett, għax dawk li ppreżenta kienu proposti li jistgħu jinbidlu wara diskussjoni mal-Gvern. 

Aldo Busuttil qal li minkejja li pprova jispjega dan lill-kunsilliera, dawn baqgħu jinsistu għal kemm jiġi jiswa l-proġett u fil-fatt kollha vvotaw biex iqabbdu perit ħalli jikkalkula kemm jiġi jiswa dan il-proġett ambjentali. 

L-artist qal li hu ppreżenta biss viżjoni u ideat ta’ proposti ta’ x’jista’ jsir u suġġeriment biex il-Gvern jixtri l-art ħalli jsalva wieħed mill-aħħar patrimonji f’din iż-żona. Aldo Busuttil qal li jħossu diżappuntat li minħabba dan id-dewmien ir-razzett jinsab f’theddida akbar peress li f’nofs Settembru l-Awtorità tal-Ippjanar se tagħti s-sentenza dwar jekk għandux jiġi żviluppat. Spjega li bħalma qal il-perit imqabbad mill-Kunsill stess, se jkun diffiċli li dan ir-razzett jiġi salvat u jkunu fortunati jekk imqar jitpoġġew partijiet minnu fi Grad 2. 

Għaldaqstant, Busuttil appella lir-rappreżentanti tan-nies tal-Fgura biex jikkonsidraw il-pożizzjoni tagħhom u jsejħu laqgħa urġenti biex ibiddlu l-mozzjoni u jimbarkaw fuq kampanja favur il-bidla fil-pjani lokali taż-żona. Jemmen li din hi l-unika soluzzjoni realistika li tassigura li l-aħħar razzett fil-qalba taċ-ċentru storiku jiġi restawrat u kkonservat. 

Ekonomija

Sport