Saturday, December 21, 2024

Respite ġdid fin-Nofsinhar ta’ Malta għall-persuni b’diżabilità; dalwaqt tkun implimentata wegħda elettorali oħra

Aqra wkoll

Aġenzija Sapport qed twettaq proġett b’valur ta’ €1.4 miljun f’Ħal Kirkop, fejn qed tinbena binja ġdida li ser toffri servizzi essenzjali għall-persuni b’diżabilità. Dan il-proġett huwa mmirat biex jgħin lill-persuni b’diżabilità jiksbu għajxien indipendenti fil-komunità, filwaqt li jipprovdi wkoll servizzi ta’ respite għal dawk li għandhom bżonn sapport temporanju. Il-binja se toffri wkoll faċilitajiet għal servizzi tranżitorji u ta’ respite, skont il-pjan nazzjonali tal-inklużjoni soċjali.


Żaru x-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-binja l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.

Ix-xogħlijiet fuq il-binja diġà waslu f’fażi avvanzata, fejn tlesta l-bini tal-post u bħalissa għaddej il-proċess tal-finishing. Huwa mistenni li l-binja tkun tista’ tibda topera sal-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.

Waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta’ din il-binja hija l-għoti ta’ servizzi tranżitorji għall-persuni b’diżabilità. Dan is-servizz mhux ser ikun fuq bażi permanenti, iżda ser joffri sapport lill-individwi li jkunu qed isegwu programmi personalizzati ta’ ħiliet għal għajxien indipendenti. Persuni b’diżabilità ser ikollhom l-opportunità li jagħmlu perjodu stipulat f’dawn il-faċilitajiet, fejn ikunu qed jaħdmu fuq il-miri tagħhom biex ikunu lesti li jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità.

Aġenzija Sapport se tikkollabora ma’ NGOs biex tmexxi dan is-servizz, li se jkun ibbażat fuq il-mudell ta’ active support. Dan jiżgura li l-persuni involuti jkunu parteċipanti attivi fil-programm tagħhom stess, b’tim ta’ professjonisti multidixxiplinarji – fosthom Support Workers, Social Workers u Occupational Therapists – li ser isegwu l-progress individwali ta’ kull persuna u jiżguraw li jilħqu l-miri tagħhom.

Il-Ministru Julia Farrugia fissret kif ħidmet il-Ministeru se tibqa’ waħda li tpoġġi d-deistituzzjonalizzazzjoni fiċ-ċentru tagħha. “Dan il-proġett f’Ħal Kirkop huwa pass ieħor konkret lejn il-bini ta’ soċjetà fejn kull persuna b’diżabilità jkollha l-opportunità li tgħix ħajja indipendenti, skont il-ħiliet u l-bżonnijiet individwali tagħha. Il-faċilitajiet ġodda mhux biss se jipprovdu servizzi tranżitorji u ta’ respite, iżda se joffru sapport speċjalizzat u personalizzat li jirrispetta d-dritt ta’ kull individwu għall-għażla u l-inklużjoni fil-komunità. L-investiment ta’ €1.4 miljun f’din il-binja huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern biex jgħin lil persuni b’diżabilità jiksbu l-indipendenza li jistħoqqilhom, filwaqt li nkunu qegħdin inkomplu nallinjaw lil pajjiżna mal-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.”


Se jkun qed jiġi offrut ukoll servizz ta’ respite. Dan is-servizz ser ikun immexxi b’kollaborazzjoni ma’ NGOs, u se joffri pakketti differenti ta’ sapport li jkunu mfassla fuq il-bżonnijiet individwali tal-klijenti. Dan iċ-ċentru ser ifisser l-implimentazzjoni ta’ miżura elettorali oħra, fejn qed jiġi stabbilit ċentru ta’ Respite fin-Nofsinhar ta’ Malta, bl-iskop li jgħin lill-persuni b’diżabilità u lill-familjari tagħhom permezz ta’ sapport temporanju speċjalizzat.


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna fisser kif iż-żieda ta’ din il-faċilità qed tkompli żżid spazji aċċessibbli u moderni fil-qalba tal-komunità fejn persuni b’diżabilità jistgħu jsegwu programmi personalizzati skont dak li għandhom bżonn huma fuq livell individwali li verament jindirizzaw ix-xewqat u d-dritt tagħhom li jgħixu ħajja indipendenti.

Dan il-proġett jissokta bil-pjan ta’ Aġenzija Sapport li tiffoka ħidmietha fuq il-promozzjoni ta’ għajxien indipendenti b’sapport, aktar milli b’akkomodazzjoni permanenti f’istituzzjonijiet. Din l-inizjattiva hija allinjata mal-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD), li tenfasizza fuq l-inklużjoni fil-komunità, id-dritt tal-għażla, u d-deistituzzjonalizzazzjoni.

Ekonomija

Sport