Monday, March 2, 2026

Responsabbiltà, Mhux Logħob Politiku: Gvern li Jaġixxi, Oppożizzjoni li Tfixkel

Jonathan Attard, Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni

Aqra wkoll

Id-diskussjoni dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef mhijiex logħba politika. Hija kwistjoni ta’ responsabbiltà lejn il-pajjiż, lejn il-Kostituzzjoni u lejn il-poplu Malti u Għawdxi. U għalhekk inħoss li għandi d-dmir nispjega b’mod ċar x’għamel il-Gvern u x’kien mistenni mill-Oppożizzjoni.

Wara diskussjonijiet li bdew fi tmiem is-sena li għaddiet, fil-bidu ta’ din is-sena f’laqgħat informali ressaqna l-isem tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Meta  b’responsabbiltà ressaqna l-mozzjoni parlamentari bl-isem propost, sibna l-Oppożizzjoni tirrezisti li jittieħed vot.

Il-messaġġ tal-ispeaker tal-Kamra kien ċar, jekk ma kienx se jittieħed vot qabel jintemm it-terminu tal-Prim Imħallef attwali Mark Chetcuti, ma kienx se jiskatta l-provediment kostituzzjonali li jara li l-Prim Imħallef jibqa’ fil-kariga rrispettivament mill-età sakemm tinħatar persuna oħra. Quddiem l-irresponsabilità tal-Oppożizzjoni, kellha tintervjeni ukoll il-President tar-Republika.

Issa lil dawk li b’mod retoriku jikkritikaw lill-Gvern għax ħareġ l-isem propost, nistaqsihom x’isem kien se jressaq il-Gvern, f’sitwazzjoni fejn bl-aktar mod ċar l-Gvern kien obbligat iressaq u jitlob vot qabel jintemm it-terminu tal-Prim Imħallef sedenti?

Wara li falla l-attentat tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jżeffen il-President tar-Republika f’kwistjoni politika li tispetta biss lill-Parlament, b’sens ta’ rieda tajba l-Prim Ministru u jien komplejna bid-diskussjonijiet mal-Oppożizzjoni. B’mod sinifikanti qbilna fuq set ta’ kriterji, inkluż dak li t-termini tal-Prim Imħallef il-ġdid la jkun twil ħafna u wisq anqas qasir iż-żejjed.

Iżda għalkemm tlaqna minn din il-laqgħa bi ftehim li se nerġu niltaqgħu sabiex abbazi tal-kriterji mifthema l-Gvern jerġa jressaq isem, ħareġ il-Kap tal-Oppożizzjoni, li spiss jirreferi għall-irġulija, jakkuża u jinsinwa li l-Prim Ministru jrid itawwal il-proċess għal wara l-elezzjoni! M’għandiex xi ngħidu l-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma’ kienitx fattwali, tant li f’dawk is-siegħat u ċioè nhar l-Erbgħa 18 ta’ Frar, jien ressaqt it-tieni isem propost mill-Gvern għal konsiderazzjoni tal-Oppożizzjoni.

Għalkemm qbilna li kellhom jiġu b’risposta sas-seduta Parlamentari tat-tnejn ta’ wara, il-Kap tal-Oppożizzjoni li nibqa’ nfakkar kemm iħobb jitkellem dwar l-irġulija, bgħat ittra jipproponi għall-ewwel darba isem ta’ imħallef li fil-laqgħat preċedenti kien ċar li ma kienx jinkwadra fil-kriterji mifthema, imma li l-Oppożizzjoni konvenjentament skartaw. B’konċidenza jew le, inħalli lill-poplu jagħmel il-ġudizzju fuq il-fatt li l-Ittra tal-Oppożizzjoni kienet iġġib id-data tal-Ġimgħa 20 ta’ Frar, l-istess jum li fih irċivejna ittra mill-Imħallef inkwistjoni.

Stennejna risposta mill-Oppożizzjoni dwar l-isem li ressaqna. Minflok rieda tajba, sfortunatament sibna manuvri u tattika partiġġjana, sakemm waslet it-tieni le għat-tieni isem propost mill-Gvern. Mhuwiex fl-interess tal-pajjiż li sitwazzjoni bħal din titħalla tbaqbaq. Mhuwiex fl-interess tal-Ġustizzja. U żgur mhuwiex fl-interess tal-istituzzjonijiet tagħna.

Bħala Gvern, aħna għamilna dak kollu li kien mistenni minna. Ressaqna isem. Meta rajna li ma kienx hemm qbil, assigurajna li l-kariga ma tibqax vakanti, skont kif titlob il-Kostituzzjoni. U immedjatament ressaqna isem ieħor biex il-proċess jimxi ’l quddiem. 

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-Oppożizzjoni. Min ikun in bona fide ma jippruvax jinvolvi jew jikkomprometti lill-President tar-Repubblika f’kontroversja politika. Min ikun in bona fide ma jmurx lura minn dak diskuss u maqbul f’laqgħat. Min ikun in bona fide ma jużax billboards partiġġjani fuq ħatra kostituzzjonali daqshekk sensittiva. U min ikun in bona fide ma jħallix il-ġranet jgħaddu mingħajr pożizzjoni ċara biex jiġi lura bis-soltu le.

Smajna wkoll ħafna dwar l-involviment ta’ terzi. Il-pożizzjoni tagħna hija waħda ċara: dan huwa proċess li jispetta lill-Kamra tar-Rappreżentanti. M’għandux ikun hemm min jimmanuvra minn wara l-kwinti jew jipprova joħloq pressjoni minn barra. Meta ridt li jkun hemm involviment konsultattiv tal-Prim Imħallef sedenti, konformi ma’ dak li kien ġie diskuss mal-Kummissjoni Ewropea, ressaqt emenda kostituzzjonali fil-Parlament. Iżda min ivvota kontra? L-istess Oppożizzjoni.

Il-verità hija li s-settur tal-Ġustizzja għaddej minn proċess riformattiv bla preċedent. Investejna fil-ġudikatura b’kundizzjonijiet aħjar. Investejna fil-ħaddiema tal-Qrati. Investejna fl-infrastruttura, kemm fiżika kif ukoll diġitali. Qed nimxu ’l quddiem b’riformi importanti, inkluż dik tal-familja. Dan il-momentum ġie rikonoxxut anke mill-IMF.

Mhux se nħalli l-irresponsabbiltà ta’ min jippreferi l-konfront milli l-kollaborazzjoni tipparalizza dan is-settur. Mhux se nħalli lil min jipprova jimmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet biex imbagħad imur jiġri l-Ewropa jgħid kontra pajjiżu.

Xi wħud jistaqsu jekk din is-sitwazzjoni kinitx prevedibbli bl-emendi taż-żewġ terzi. 

Hemm bżonn nagħmlu riflessjoni serja fuq il‑provvedimenti kostituzzjonali. Għax minkejja kull intenzjoni tajba li kellu l-Gvern dak iż-żmien, u għalkemm għal snin rajna li ż-żewġ terzi kienu possibbli, llum sibna ruħna fl-ewwel test reali fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni, Alex Borg, falla. Illum għandna sitwazzjoni fejn il-kuntest taż-żewġ terzi, nobbli kemm hu nobbli, qed jintuża bħala għodda biex l-Oppożizzjoni tipprova tirrikatta l-pożizzjoni tal-Gvern. Dan m’għandux ikun, ikun min ikun fil-Gvern u jkun min ikun fl-Oppożizzjoni. Il-proċessi kostituzzjonali m’għandhom qatt isiru arma politika.

Għalhekk hemm bżonn li nħarsu b’serjetà lejn il-kostituzzjoni u nikkunsidraw mekkaniżmu li jiżblokka sitwazzjonijiet bħal dawn. Dan mhux biss fil-każ tal-ħatra tal-Prim Imħallef, iżda f’kull proċess kritiku li jinvolvi maġġoranza kwalifikata sabiex ma jispiċċawx jiġu abbużati jew paralizzati. 

Mekkaniżmu bħal dan huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jibqgħu jaħdmu, li l-pajjiż ma jibqax ostakolat minn kalkoli politiċi, u li l-proċess kostituzzjonali jkun wieħed stabbli, prevedibbli u fuq kollox serju.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport