Sunday, February 2, 2025

RESPONSABBILTÀ MINN KULĦADD – ANKE MILL-OPPOŻIZZJONI

Aqra wkoll

Responsabbiltà miċ-ċittadin privat li jitlob investigazzjoni jew inkjesta maġisterjali b’intenzjonijiet tajba. Responsabbiltà mill-Pulizija li jinvestigaw sewwa u b’reqqa. Responsabbiltà mill-Imħallfin u l-Maġistrati li jiskrutinizzaw ir-riżultati tal-investigazzjonijiet li jitwettqu.

Dan huwa l-fulkru ta’ dak li qed titlob ir-riforma li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru tal-Ġustizzja aktar kmieni din il-ġimgħa, li titratta l-proċess tal-inkjesti maġisterjali.

Riforma  f’waqtha għax taqta’ l-abbuż sfaċċjat li rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat permezz ta’ din l-għodda tal-ġustizzja minn individwi li l-iskopijiet tagħhom huwa ċar li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-vera amministrazzjoni tal-ġustizzja. Anzi l-iskop ta’ dan l-abbuż minn dawn l-individwi huwa intiż biss li jħammeġ u jkisser ir-reputazzjoni ta’ persuni ġenwini li kull m’għandhom ħażin huwa li ma jaqblux politikament magħhom jew għax saħansitra jaħdmu id f’id ma Gvern Laburista għall-ġid tal-pajjiż.

B’hekk mhix ta’ sorpriża wkoll ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal din ir-riforma b’mod partikolari l-kelliem għall-Ġustizzja, li mal-ewwel ħjiel tagħha qalu li se jivvutaw kontrija mingħajr ebda ħsieb li jipparteċipaw f’diskussjoni parlamentari dwarha. Inkwetanti wkoll id-dikjarazzjoni ta’ Karol Aquilina, li jsostni li kieku l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun fil-Gvern mal-ewwel ireġġa’ lura din ir-riforma u mill-ġdid jissottometti persuni innoċenti f’riskju li jiġu mżeffna f’investigazzjonijiet kriminali bla bażi.

Persuni fi ħdan Repubblika u l-PN ħadmu id f’id ma’ Jason Azzopardi li f’dawn l-aħħar xhur ħammeġ persuni innoċenti. L-istess persuni ma kkundannawx lill-għaqda Repubblika tal-attakk insensat fuq il-Maġistrat Nadine Lia għax poġġiet lil ħuh stess taħt investigazzjoni b’rabta ma’ leaks minn inkjesta maġisterjali. Mhux talli hekk, talli fuq dibattitu fuq l-istazzjon nazzjonali sostna  li mnalla sar dan il-leak kriminali. Id-double standards tal-Partit Nazzjonalista qatt ma kienu ċari daqs illum u n-nuqqas ta’Bernard Grech li jippronunzja ruħu fuq dan kollu, timmina kemm il-kontroll li l-Kap Nazzjonalista għandu fuq il-Partit tiegħu, u kif ukoll il-kreddibiltà li jħaddan l-istess Partit Nazzjonalista meta jitkellem fuq il-qasam tal-ġustizzja.

Jispikkaw ukoll l-attenti tal-Partit Nazzjonalista u esponenti tiegħu li jinfurmaw ħażin dwar din ir-riforma fil-proċess tal-inkjesti maġisterjali mal-mument li din tħabbret. Ippruvaw jiddiskreditaw lill-Korp tal-Pulizija billi sostnew li din ir-riforma se xxekkel id-dritt taċ-ċittadin privat li jitlob għal inkjesta maġisterjali. Madankollu b’mod konvenjenti jonqsu milli jsemmu kif din ir-riforma tipprovdi rimedju fuq rimedju bi skrutinju għoli saħansitra minn Imħallef fuq l-investigazzjoni tal-Pulizija sabiex l-ebda dritt ma jiġi mittiefes. 

Dan apparti li b’din ir-riforma, ta’ min isemmi wkoll li l-vittmi jew qraba ta’ persuni fil-proċess ta’ inkjesta se jkunu intitolati li wara 6 xhur mill-ftuħ tal-aċċess, b’rispett ukoll lejn il-proċess legali, ikunu infurmati mill-Avukat Ġenerali dwar l-andament tal-inkjesta u anke meta din tintemm.

Ma hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed m’għandux jaqbel ma’ din ir-riforma, sakemm l-iskopijiet tiegħu mhumiex dawk li jinqdew mill-abbuż li ġġib is-sistema attwali. Li bid-dikjajar il-Partit Nazzjonalista sabbat saqajh u qal li se jħassar, bla ma ried kixef l-intenzjonijiet vera tiegħu. Dik li jkompli jarma l-esponenti tiegħu b’għodod u proċessi li jkissru r-reputazzjonijiet għal skopijiet malinni. L-azzjonijiet tiegħu fiż-żmien li ġej ukoll se jkomplu jgħidu ħafna, għalhekk se nibqgħu attenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport