Għaddejna sajf nikkonsultaw. Minn wara l-elezzjoni ta’ Ġunju, iddedikajna ħafna ħin biex niltaqgħu mal-kunsilli lokali madwar pajjiżna biex niddiskutu l-isfidi li dejjem għamlu parti mir-realtà tagħna, speċjalment meta niġu għat-tindif pubbliku. Mhux sigriet li l-problemi marbuta mar-rimi ta’ skart illegali u tniġġis fit-toroq ilhom jeżistu f’pajjiżna, f’ċertu rħula u żoni aktar minn oħrajn. Din hija sfida li amministrazzjonijiet differenti dejjem iffaċċjaw.
L-iskema li introduċejna matul dan il-perjodu biex noffru t-tindif wara l-festi ġiet milqugħa tajjeb ħafna mill-kunsilli lokali. Dan għamilnih bħala parti mir-responsabbiltà soċjali tagħna lejn il-komunità. Il-festi huma parti mill-kultura tagħna, iżda m’għandhomx iħallu warajhom ħmieġ b’detriment għar-residenti. Għalhekk ħdimna fuq pjan konkret biex inkunu nafu x’se nagħmlu wara kull festa, u dan il-mudell qed iħalli r-riżultati. Prattikament, tista’ tgħid li fi ftit siegħat wara l-aħħar marċ, kull triq li minnha tkun għaddiet il-festa, qed tkun pupilla biex terġa tilqa’ fiha l-ħajja ta’ kuljum.
Minkejja dawn il-progressi, nibqa’ nħoss il-ħtieġa li nibqa’ nirrimarka u nfakkar li l-problema tal-iskart fit-toroq mhix xi ħaġa ġdida. Sa mill-bidu tal-inkarigu tiegħu f’dan il-portafoll, bdejt ninsisti fuq l-importanza li jkollna pajjiż nadif. Madankollu, nafu li dan mhux xogħol li jsir waħdu. Il-Maltin u l-Għawdxin iridu jkunu lesti li jieħdu sehem fi sforz kollettiv biex inżommu pajjiżna nadif għax dan ix-xogħol mhux responsabbiltà biss tad-diviżjoni.
Biex nieħdu ħsieb pajjiżna, irridu nilħqu lil kulħadd
Irrid nisħaq fuq is-suċċess tal-kampanja edukattiva li nedejna b’Xummiemu. Karattru li għal ħafna, speċjalment dawk tal-ġenerazzjoni tiegħi, m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni. It-tfal, li huma l-ġenerazzjoni ta’ għada, qed ikunu mħeġġa jifhmu li pajjiż nadif hu dritt iżda wkoll responsabbiltà. Huwa ċar li mingħajr edukazzjoni, ħafna mill-ħidma li qed inwettqu se tkun mingħajr riżultati dejjiema. Jeħtieġ li uliedna, l-anqas biss tiġihom f’rashom li jarmu barra u għalihom din tkun xi ħaġa inkonċepibbli.
Minn Settembru s’issa, rajna żieda ta’ 80% fir-rapporti ta’ rimi illegali u t’aktar minn 250% fl-ammont ta’ nies li niżżlu l-app. Dan kollhu qed nikkonsolidawh billi ninvestu aktar f’riżorsi umani u tagħmir ġdid. Fl-aħħar mill-aħħar, l-impjegati tagħna – li ma nixba qatt nirringrazzjahom ta’ ħidmiethom – jixirqilhom appoġġ xieraq, u l-għodda kollha possibbli li tagħmillhom differenza.
Bi pjaċir nista’ ngħid li fi ftit ġimgħat oħra se nkunu qed inħabbru investiment sinifikanti f’dan is-settur, u li bl-għajnuna tal-pubbliku, l-ħaddiema tagħna se jkunu jistgħu jirrispondu ferm aktar malajr għal tniġġiż illegali.
Il-problemi tar-rimi llegali ilhom hemm. Qed inħaddmu strateġija serja biex nisfidawhom u nġibu l-bidla. Determinati li nkomplu nsaħħu l-impenn kollettiv biex naraw bidla konkreta. Għandna responsabbiltà lejn uliedna, lejn it-turisti li jżuruna, u fuq kollox, lejna nfusna biex inħallu pajjiż li mhux biss huwa nadif fil-preżent iżda li jrid jibqa’ nadif fil-futur permezz ta’ mentalità ġdida.
Dan l-impenn mhuwiex wieħed faċli, iżda ninsab fiduċjuż li, bis-saħħa ta’ sforzi koordinati bejn il-Gvern, il-kunsilli lokali, u fuq kollox il-poplu, nistgħu verament naraw bidla sinifikanti. Pajjiżna jixraqlu jkun wieħed mill-iżjed nodfa u organizzati fil-Mediterran, u rridu naħdmu lejn dan l-objettiv b’rieda.
Il-futur ta’ Malta huwa f’idejna, u kull pass li nieħdu biex inżommu l-ambjent tagħna nadif huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Għalhekk, inħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu sehem f’dan il-vjaġġ ta’ riforma u titjib, għax flimkien biss nistgħu noħolqu Malta li aħna kollha kburin biha – mhux biss illum, imma għas-snin li ġejjin.