Sunday, December 22, 2024

Resqin viċin li ta’ kull xahar ikollna każ ġdid ta’ kanċer fost it-tfal

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Konsulent Victor Calvagna jgħid li l-aktar età milquta hija dik ta’ bejn l-erba’ u l-ħames snin

Il-kanċer huwa marda li taffettwa lil kulħadd, inklużi lit-tfal, għalkemm fil-faxxa taż-żgħar din il-marda hija inqas komuni minn dik fil-kbar. Ir-riskju biex tifel jew tifla tiżviluppa kanċer sal-età ta’ 14-il sena huwa ta’ wieħed f’kull 500 tifel jew tifla. Għal din is-sena, fl-okkażjoni tal-Pink October, ħsibna li nqajmu għarfien lil hinn ta’ kif il-marda kiefra tal-kanċer tolqot anke lil tfal ċkejknin. Għal dan il-għan Talk.mt barra li kellem lill-“Puttinu Cares”, tkellem ma’ omm ta’ tifla li kellha tumur f’rasha, għamel ukoll intervista mal-Konsulent tal-kanċer fit-tfal, Dott. Victor Calvagna. Dan qalilna kif f’Malta jaraw bejn 10 u 12-il każ ta’ kanċer ġdid fis-sena fit-tfal, rata li qiegħda tressaqna viċin li ta’ kull xahar ikollna każ ġdid ta’ kanċer fit-tfal.

“L-importanti għat-tfal bil-kanċer huwa li jkunu mal-ġenituri tagħhom, ikollhom biex jilagħbu u ma jkollhomx uġigħ jew tagħmlilhom xi proċedura li tikkawża l-uġigħ”

Dott Victor Calvagna

“L-età l-aktar milquta hija ta’ dik bejn l-erba’ u l-ħames snin bl-aktar każijiet komuni li naraw huma l-lewkimja u t-tumur tal-moħħ,” ħabbar Dott Calvagna. Huwa spjega kif ir-riskju fil-kbar ivvarja skond l-età, “però wieħed minn kull tlieta minnha jiżviluppa kanċer sal-età ta’ 80 sena. It-tipi ta’ kanċer li jaffettwaw lit-tfal huma differenti mit-tipi ta’ kanċer li naraw fil-kbar u ma nafux għalfejn il-maġġoranza tat-tfal jiżvillupaw kanċer”. 

Globalment hemm żieda ta’ wieħed minn kull 100 fis-sena

Dan il-Konsulent qal li ħafna minn dawn il-kanċer jaraw il-bidu tagħhom waqt li t-tarbija tkun qiegħda tiżviluppa fil-guf u li ftit mill-kanċer tat-tfal jiġru minħabba żball ġenetiku li jintiret. Hawnhekk huwa infurmana li n-numru tat-tfal bil-kanċer qiegħed jiżdied bit-rata ta’ wieħed fil-mija kull sena mad-dinja kollha. 

Mistoqsi dwar kif iġibu ruħhom tfal pazjenti bil-kanċer u jekk jifhmux minn dak li jkunu għaddejjin minnu, Dott. Calvagna qal li dawn it-tfal xorta tfal jibqgħu u jaġixxu bħalma jaġixxu tfal oħra bi kwalunkwe marda kronika oħra. “Ħafna minnhom malajr jidraw il-kura li jkunu qegħdin jieħdu u l-importanti huwa li jkunu mal-ġenituri tagħhom, ikollhom biex jilagħbu u ma jkollhomx uġigħ jew tagħmlilhom xi proċedura li tikkawża l-uġigħ,” kompla l-Konsulet.

Huwa qal li t-tfal li jkunu ftit kbar, ikunu jafu minn x’hiex għaddejjin u huma jispjegawlhom it-trattament li jkunu se jieħdu. Min-naħa l-oħra, it-tfal iżgħar ma jagħmlux differenza bejn marda tal-kanċer u mard ieħor.

Il-familja trid tadatta… trattament iebes u twil

Din il-marda ma tolqotx biss lill-pazjenti, iżda wkoll lill-qraba tagħhom. Dan japplika b’mod speċjali f’każijiet tat-tfal fejn l-akbar sfida għal dawn il-familji hija l-fatt li lit-tfal tagħhom żviluppalhom kanċer. Dott Calavagna qal li, “it-trattament huwa iebes u twil. Il-familja trid tadatta għall-bidla fil-ħajja tagħha. Il-Covid-19 ma jgħinx għax ikkomplika aktar it-trattament ta’ dawn it-tfal.” 

Dan minħabba l-fatt li ħafna drabi ġenitur joqgħod l-isptar mal-pazjent u għaldaqstant ikollu jieqaf mix-xogħol. Sfida oħra hija li għalkemm il-maġġoranza tal-kanċer fit-tfal jitfejjaq, xorta jkun hemm il-biżgħa li l-kanċer ma jirrispondix għall-kura jew il-kura tagħmel xi effetti ħżiena serji.

Mistoqsi dwar jekk f’Malta għandniex żoni partikolari li minnhom jirriżultaw aktar każijiet ta’ kanċer fit-tfal, Dott. Calvagna rrisponda fin-negattiv. Bħala professjonist fil-qasam huwa qal li f’pajjiżna għandna livell ta’ kura tal-kanċer għoli u adegwat. 

Hawnhekk il-Konsulent żied jgħid li, “barra minnnhekk, jekk ikun hemm xi kura li ma tingħatax Malta u din importanti li tingħata biex it-tifel jew tifla jfiequ, aħna nirreferu lil dawn it-tfal f’ċentri tajbin tal-kanċer barra minn Malta. Ħafna minn dawn iċ-ċentri jinsabu ġewwa Londra u aħna għandna kuntatti tajbin ma’ dawn iċ-ċentri”. 

Huwa temm billi rringrazzja lill-awtoritajiet tal-prijorità li jagħtu biex dawn it-tfal ikollhom il-kura li jeħtieġu lokalment u jekk le, ikunu lesti li jidħlu għall-ispejjeż tal-kura ta’ dawn it-tfal barra minn Malta.

Isem: Victor Calvagna

Data u Post tat-Twelid: 22 ta’ Marzu, 1958 – Floriana

Professjoni: Konsulent tal-Onkolġija Pedjatrika

Statut: Miżżewweġ lil Carmen u missier taż-żewġt itfal Francesca u Rebecca

Karriera:

* Fl-1984 iggradwa bħala tabib mill-Università ta’ Malta;

* Lesta t-taħriġ tiegħu fil-mediċini u l-kirurġija fl-Isptar San Luqa (1984 – 1986);

* Fl-1986 beda l-ispeċjalizzazzjoni fil-Pedjatrija u lestiha fil-Great Ormond Street Hospital ta’ Londra     fl-1989. 

* Bejn l-1994 u l-2001 huwa speċjalizza fl-Onkoloġija Pedjatrika fl-Isptar San Luqa u r-Royal Marsden Hospital fl-2001, pożizzjoni li huwa għadu jokkupa fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre fejn huwa l-Konsulent ewlieni fir-Rainbow Ward;

* Membru korrispondenti taċ-Children’s Cancer and Leukemia Group;

* Membru tas-Soċjetà Internazzjonali tal-Onkoloġija Pedjatrika (SIOP);

* Mill-2002 huwa wkoll il-President tal-Fondazzjoni “Puttinu Cares”;

* F’Diċembru tal-2010 huwa ngħata l-unur tan-National Order of Merit fil-grad ta’ membru.

Passatempi: Għawm, ċikliżmu u ġiri (endurance sports) u attività sportiva għas-saħħa fiżika (physical fitness)

Ktieb favorit: “Rajt Malta Tinbidel” minn Herbert Ganado

Pjanijiet għall-futur: Iktar safar u inqas xogħol

Kwotazzjoni favorita: “Għandi ħolma li l-erbat itfal tiegħi xi darba jgħixu f’nazzjon fejn ma jkunux iġġudikati mill-kulur tal-ġilda tagħhom imma mill-karattru li jkollhom” – Martin Luther King

Ekonomija

Sport