Bħalissa, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed iwettaq diversi xogħlijiet ta’ restawr u manutenzjoni fuq diversi binjiet storiċi madwar Malta u Għawdex bil-għan li dawn ikunu mħarsa u ppreservati. Wieħed minn dawn il-proġetti qiegħed isir fuq il-kampnar tal-Knisja tal-Agostinjani ta’ San Mark, fir-Rabat, Malta.
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia seta’ jara x-xogħlijiet li diġà bdew biex ikun salvat dan il-kampnar li jmur lura għall-1910.
“L-istrateġija tal-gvern hija xprunata mill-impenn li noħolqu aktar spazji miftuħa għall-komunitajiet iżda wkoll li naraw li nippreservaw u nħarsu dak li bnew missirijietna,” saħaq is-Segretarju Parlamentari Farrugia. Huwa rrimarka li b’investiment ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jimpenja ruħu li jirrestawra dan il-kampnar li jagħmel parti mill-kunvent tal-Agostinjani, bl-għan li x-xogħlijiet kollha li jsiru jirrispettaw b’mod assolut l-estetika u d-disinn.
Marvienne Camilleri, il-Perit responsabbli mill-proġett, spjegat kif fil-bidu tal-proċess ta’ restawr, ser jitneħħa il-metall kollu li qed jikkawża ħsarat. Ser ikunu mibdulin ukoll il-ġebel u balavostri li għandhom ħsarat ma’ oħrajn ġodda identiċi. Minbarra xogħlijiet ta’ restawr, ser tkun installata sistema ta’ dawl ġdida u ta’ konsum baxx biex iddawwal u tenfasizza l-estetika u l-arkitettura ta’ dan il-kampnar, kif ukoll sistema biex tipproteġi din il-binja mill-maltemp u s-sajjetti. Ix-xogħlijiet huma mistennija li jitlestew f’Diċembru ta’ din is-sena.
Min-naħa tiegħu, Patri Raphael Abdilla mill-kunvent tal-Agostinjani enfasizza fuq l-importanza li tiġi salvata din il-ġawhra arkitettonika imprezzabbli kemm għall-wirt storiku ta’ pajjiżna, kif ukoll l-ammont kbir ta’ turisti li jżuru l-Imdina u r-Rabat u li jgħaddu ta’ kuljum minn quddiem din il-Knisja.
Jakkumpanjaw lis-Segretarju Parlamentari waqt din iż-żjara kien hemm id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi Stephen Bonello u s-Sindku tal-Kunsill Lokali tar-Rabat Sandro Craus.