Friday, November 22, 2024

Restawrata l-Kappella tat-Twelid tal-Madonna fil-forti Sant’Anġlu

Aqra wkoll

Tlestew ix-Xogħlijiet kbar ta’ konservazzjoni u restawr tal-Kappella storika tat-Twelid tal-Madonna li tinsab fil-Forti Sant’Anġlu, fil-Birgu. Dawn ix-xogħlijiet, li ġabu l-kappella lura għall-glorja ta’ qabel, sar b’allokazzjoni ta’ €35,128 mill-Awtorita Maltija għat-Turiżmu.

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), bi sħab mas-Soċjetà Storika u Kulturali tal-Birgu (VHCS), inawguraw il-kappella restawrata, li hija meqjusa bħala monument Malti ta’  kultura u spiritwalita rivitalizzata.

Il-proġett kollu ffoka fuq il-konservazzjoni u r-restawr tal-artal indurat u sitt pilastri ta’ sostenn. Barra minn hekk, ġie kkummissjonat xogħol artistiku ġdid biex itejjeb l-interjuri tal-kappella. Dan jinkludi pittura titulari ġdida tat-Twelid ta’ Marija, flimkien ma’ xbihat ta’ San Pawl, San Ġann Battista, u pittura ta’ grupp li juru San Lawrenz Martri, Santa Barbara, u Santa Apollonija. L-artist lokali rinomat Manuel Farrugia intgħażel biex joħloq dawn l-opri tal-arti, li żiedu l-wirt rikk Barokk tal-kappella.

Il-Kappella tat-Twelid tal-Madonna, minquxa direttament fil-blat fl-1274, oriġinarjament serviet bħala l-ewwel knisja parrokkjali tal-Birgu. Fis-seklu 17, kienet imżejjna b’elementi Barokki ta’ żmien il-Gran Mastru De Redin.

Il-VHCS kienet strumentali fil-preservazzjoni tal-kappella billi wettqet diversi restawr strutturali matul is-snin. Sejbiet reċenti wrew li l-artal u l-pilastri inizjalment kienu indurati u li l-iskema tal-kuluri tal-kappella kienet inbidlet b’mod sinifikanti maż-żmien. 

F’konferenza tal-aħbarijiet nhar it-Tnejn, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo esprima l-appoġġ tiegħu għall-proġett u sostna li din l-inizjattiva hija xhieda tal-impenn tal-gvern li jkun ippriservat il-wirt storiku u kulturali ta’ Malta.

Huwa qal ukoll li b’dan is-sit sagru, mhux biss qed ikun onorat il-passat tagħna, iżda wkoll intejbu l-esperjenza għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għal dan il-proġett jenfasizza d-dedikazzjoni għall-promozzjoni u s-salvagwardja tal-identità kulturali rikka tan-nazzjon Malti.

Indirizza l-konferenza wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef li fisser l-entużjażmu tiegħu għall-proġett, u stqarr li r-restawr tal-Kappella tat-Twelid tal-Madonna fil-Forti Sant’Anġlu mhuwiex biss li tippreserva biċċa storja iżda li l-wirt kulturali tagħna jingħata ħajja ġdida.

Dan il-proġett huwa parti minn inizjattiva usa’ appoġġjata mill-MTA, li tinkludi wkoll it-titjib tar-rotta tal-pellegrini Camino de Santiago. Il-kappella restawrata se sservi bħala waqfa sinifikanti għall-pellegrini, tarrikkixxi l-vjaġġ spiritwali tagħhom u tenfasizza s-sinifikat storiku tal-kappella.

L-isforz kollaborattiv bejn l-MTA u l-VHCS jiżgura li l-Kappella tat-Twelid tal-Madonna fil-Forti Sant’Anġlu tibqa’ simbolu dejjiemi tal-wirt kulturali u spiritwali ta’ Malta.

Sport