Sunday, January 19, 2025

Retorika tossika li tmur kontra kull principju ta’ rispett demokratiku

Jikteb l-Ewroparlamentari Daniel Attard

Aqra wkoll

Il-livell tad-diskors politiku f’dan il-pajjiż niżel f’livelli li qatt ma rajna qabel. Il-President Onorarju tal-NGO ‘Repubblika’, li jippreżenta lilu nnifsu bħala l-protettur tar-rule of law, wasal biex isejjaħ lill-Gvern Laburista ‘mafia’ u jqabbel lill-Partit Laburista ma’ marda infettiva. Dan mhux biss attakk mimli mibegħda, imma retorika tossika li tmur kontra kull prinċipju ta’ rispett demokratiku.

Matul il-kampanja elettorali, kont nisħaq ċar u tond: ‘Ġustizzja iva, persekuzzjoni le.’ U nerġa’ ngħidha llum: aħna mhux ta’ dak jew tal-ieħor – aħna lkoll tal-Partit Laburista. U meta jattakkaw wieħed minna, jattakkaw lilna lkoll.

Il-mibegħda li qed jimmiraw lejna mhi xejn ħlief tentattiv biex jintimidawna. L-arma tal-passat – għax dawn in-nies ma jinbidlu qatt.  Imma aħna ma naqgħux għall-provokazzjoni. Ilkoll għandna responsabbiltà li nibqgħu forza għal ġid u progress, minkejja l-intimidazzjoni.

U ejja nfakkru lil min jipprova jagħti l-lezzjonijiet dwar il-liġi u r-regoli tad-demokrazija: dak li tant jippriedkaw mhux ir-rule of law, imma rule of law ‘à la carte’.

Meta l-liġi ma taqbilx magħhom, jattakkaw il-qrati. Meta d-deċiżjonijiet imorru kontra r-rieda tagħhom, jattakkaw lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali. U mbagħad jippruvaw jiddettaw il-moralità lill-poplu. Kliem vojt ta’ min tilef il-kredibbiltà u llum jipprova jibqa’ marbut ma’ poter falz.

Għax hekk jemmnu. Li għandhom dritt divin li jiggvernaw.

U lkoll niftakru x’għamlu meta kienu jiggvernaw.

Il-kriminali jingħataw maħfra presidenzjali. Il-Prim Ministru jiltaqa’ mal-kriminali ‘fis-satra tal-lejl’. L-art pubblika tingħata lill-benefatturi tagħhom biċ-ċiċri. L-avukati bil-passaport tal-PN jsiru mħallfin mil-lejl għan-nhar. U l-poplu jerfa’ l-piżijiet, bil-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien jivvota bil-qalb kontra r-roħs tal-kontijiet.

U għandhom l-ardir jgħajru lil ħaddieħor  mafia.

Tassew każ tal-ispiżjar milli jkollu jtik.

Quddiem dan kollu, illum, inġedded l-impenn li tajtkom fil-kampanja elettorali: li nibqa’ niddefendi lil kull Laburist kontra kull forma ta’ persekuzzjoni u intimidazzjoni.

Mhux bil-kliem biss, imma fejn hemm bżonn, bl-azzjoni wkoll. Għax attakk fuq wieħed minna huwa attakk fuqna lkoll.

Għalhekk, iktar minn qatt qabel, irridu nkunu magħqudin. Mexxej wieħed. Partit wieħed. Avversarju wieħed.

Jekk nibqgħu magħqudin, nibqgħu rebbiħin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport