Wednesday, March 27, 2024

REWS MEUS

Lorna Vassallo - Opinjonista

Aqra wkoll

Il-ġimgħa l-oħra ħadt pjaċir nisma’ li ser tingħata l-fakultà lil investituri privati sabiex jipprovdu infrastruttura għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi. Daqstant ieħor kont sorpriża li r-REWS (Regulatur għas-Servizzi tal-Ilma u l-Elettriku) ħadet dan il-pass. Għaliex dan huwa tluq mill-pożizzjoni riġida ferm li ffaċċjat persuna li naf jien f’dan ir-rigward ftit tas-snin ilu.  

Skont l-istess regulatur il-prinċipju bażilari huwa li ebda persuna għajr il-gvern ma tista’ tbigħ id-dawl f’Malta.  Dan fisser illi ebda miters jew mini-miters ma setgħu jitwaħħlu fid-djar minn sidien ta’ postijiet għall-kiri biex dawn tal-aħħar jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom fejn għandu x’jaqsam il-konsum ta’ ilma u dawl fil-proprjetà tagħhom.

Jien lanqas mal-użu tat-terminu ‘bejgħ ta’ dawl’ ma naqbel f’każijiet bħal dawn.  Sid tal-kera jew proprjetarju ta’ proprjetà li b’xi mod qed jitħallas bil-quddiem tal-konsum tad-dawl u ilma minn ħaddiehor ma jkun qed jagħmel xejn ħlief jassikura li l-istess gvern huwa garantit il-ħlas fil-futur.  Huwa minnu li s-sid tal-proprjetà irid jiddetermina l-ammont b’mod arbitrarju jekk il-prezz jinbidel (kif kien jagħmel spiss fil-passat) imma ma jfissirx li l-istess sid/t qed jippruvaw jagħmlu qligħ inġust minn prodott jew servizz li jiġi provdut mill-gvern.

U f’dan ir-rigward ta’ min jgħid illi llum għandna ħafna iktar konsistenza fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma grazzi għall-bdil fil-mentalità u l-‘hedging agreement’ li jifforma parti essenzjali tal-politika ta’ dan il-gvern.

L-illegalità ta’ dawn il-miters u nemmen li anke persuni ta’ awtorità ma jaqblux ma’ din il-liġi inġusta fuq min jużahom. Jeżistu fis-suq u huwa faċli ħafna li wieħed jixtrihom. Iżda l-unika problema hija li min jixtrihom jista’ faċilment jispiċċa interrogat!  Il-persuna li għent jien toħroġ minn kumplikazzjonijiet mal-pulizija f’dan ir-rigward kienet xtrat wieħed minn dawn il-miters li saħansitra kienu jiġu reklamati regularment pubblikament.  Il-vantaġġ assolut tal-miter kien li l-Inkwilin jeħtieġlu jħallas ammont ta’ dawl bil-quddiem qabel ma jikkunsmah.  Apparti li f’dan il-każ partikulari s-Sid kien litteralment buona fede u ma kienx qed jagħmel qligħ minn fuq id-dawl, kellu esperjenzi preċedenti ta’ Inkwilini li telqulu bla ma ħallsu d-dawl u li ħallewlu danni fil-post tant illi d-depożitu li ħallew warajhom qabel il-kirja ma laħħaqx. 

Minn mindu dil-persuna kienet installat dan il-miter setgħet tassikura illi jaħlu kemm jaħlu l-Inkwilini iħallsu minn qabel għad-dawl. Kienet wegħdithom ukoll illi jekk meta jiġi l-kont attwali tad-dawl (hekk kif minn żmien għal żmien il-prezz tas-servizz kien jinbidel mill-gvern) kienet tikkumpensahom lura jekk jiġri dan bil-pretiż illu huma jħallsu wkoll iktar jekk il-kontijiet jiġu iktar.  U fil-fatt mal-Ikwilin qatt ma kien hemm problemi dwar dawl per se.

Ta’ min jgħid illi wieħed mill-ikbar riskji li jeżistu fil-kera mhux biss il-ħlas tal-kera o meno, iżda wkoll il-ħlas tad-dawl u l-ilma. Li wieħed ma jħallasx il-kera lis-Sid jew Sidt forsi mhix l-ikbar sfida għas-Sid/t.  L-ikbar sfida normalment huwa l-fatt illi jsir użu eċċessiv mid-dawl u l-ilma mingħajr ma jkun/tkun taf jew minħabba traskuraġni u ħela, jew minħabba illi l-Inkwilin iżomm nies oħra jgħixu/jinħaslu miegħu jew iżuruh li jużaw is-servizzi tiegħu jew, kif għedna, għax il-kontijiet jogħlew u s-Sid/t ma j/tintebaħx fil-ħin. 

Nemmen li din kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin li għolliet il-kera f’pajjiżna.  Anke f’dawk iż-żmenijiet li ma kellhom xejn x’jaqsmu ma’ tal-lum. Dan għaliex f’dawk iż-żmenijiet, l-Inkwilin ma setax jassikura li jirregola hu stess u jitħallas bil-quddiem tas-servizzi imma seta’ biss, jew jgħolli l-kera jew jitlob ammont esaġerat kull xahar għad-dawl u l-ilma mal-kera li jkopri anke abbuż mingħajr il-possibiltà ta’ ebda rifużjoni (li bejn wieħed u ieħor tiġi simili għall-għoli tal-kera nnifisiha).  F’dan is-sens il-miters jiġu ħafna iktar ġusti billi l-Inkwilin/a fil-każ tagħhom ikunu obbligati jixtru Eur20 jew Eur50 bil-quddiem u jixtru oħra biss wara li jaħluha.  Dan huwa ferm aħjar milli l-ammont dovut fuq dawl huwa pre-stabbilit.

U f’qasam fejn mal-ħażin jeħel it-tajjeb sidien il-kera kellhom biss għażla waħda: li jgħollu l-kera.

Iżda minkejja l-bona fede ta’ kwalunkwe Inkwilin inqatgħet linja dritta li dawn il-miters huma illegali. Hija verament sfortuna illi l-persuna li assistejt jien għamlet żmien twil ma tikrix il-post tagħha wara dan l-inċident proprju minħabba f’hekk.  Wara kollox kienet offriet saqaf fuq ras xi ħadd għal żmien twil u waqfet tagħmel dan mhux għax ippruvat tiggwadanja l-flus minn fuq dawl u ilma, imma għax ippruvat ma tinsteraqx u ma tiġix ingannata hi.

Ironikament, però, sitwazzjonijiet oħra permissibbli mil-liġijiet/regoli tar-REWS fejn, pereżempju wieħed jista’ jopera latrina pubblika bi qligħ jeżistu wkoll.  U anke spas u servizzi ta’ doxox. Li naqbel li għandu jkun hawn iktar u iktar minnhom.

Nassumi li f’dan il-qasam il-fehma tal-gvern baqgħet kif kienet. Mhux talli l-persuna ma titħalliex tagħmel miters bil-kard u tiddeċiedi ammonti bil-quddiem li jistgħu jikkumpensaw ġustament u proporzjonalment għas-servizzi wżati, talli lanqas setgħet iġġib permess biex tagħmel dan.  U mhux talli ma kellha ebda għażla, talli kienet tiġi assunta li għamlet dan b’intenzjoni ħażina, kriminali u frawdolenti. 

Fl-opinjoni tiegħi din hija waħda minn dawk ir-regoli/liġijiet tal-gvern li apparti li hi antikwata u kommunista estrema, tagħmel dannu mhux biss lil sid il-kera imma wkoll lil min jikri mingħand ħaddieħor.   Dan għaliex il-kerrej qed ikollu jħallas somma fix-xahar li hija kbira biżżejjed biex tassikura li tagħmel tajjeb għall-konsum mingħajr ebda kalkoli konkreti.

Barra minn hekk, li wieħed iħallas bil-quddiem id-dawl u l-ilma hija pass ’il quddiem għal inqas ħela ta’ ilma u dawl. Bħalma jaf kulħadd, it-tendenza hi li jekk l-inkwilin xorta se jħallas, pereżempju Eur50 dawl u ilma kull xahar jipprova jagħmel li jista’ biex jieħu flusu kollha lura. Għalhekk, jista’ jirraġuna li ħabibu jew qaribtu u żuruh jistgħu jinħaslu għandu billi, jinħaslu kemm jinħaslu nies, hu xorta se jħallas l-istess ammont.  Jista’ jiddeċiedi wkoll illi jaħasel karozza bil-pajp għax għalih ħasil bil-pajp jiġix irħas għax xorta se jħallas l-istess ammont fil-bidu tax-xahar.

Għalhekk il-liberalizzazzjoni tal-qasam tal-enerġija rċevejtu bit-tbissima.  F’dinja fejn l-emfasi hija dejjem li niskoraġġixxu l-ħela tar-riżorsi, iktar u iktar meta l-provvista tagħhom issa hija wkoll mhedda mill-gwerra fl-Ukrajna, ma narax għaliex iċ-ċittadin privat jew in-negozjant m’għandux jirregola l-konsum hu għall-gvern.  U lanqas għalxiex il-gvern m’għandux għalfejn jiddelega l-qies tal-konsum f’idejn il-privat. Wara kollox jekk Inkwilin jaħli iktar dawl u ilma milli suppost u jiġi rregolat u korrett mis-Sid, is-sid mhu jagħmel xejn kontra l-prinċipji tal-awtoritajiet – anzi qed jidħol għalihom u jagħmlilhom xogħolhom bla ħlas.

Nispera li l-liberalizzazzjoni tas-suq tad-dawl li ġiet imnebbħa mill-bżonn illi jkollna infrastruttura aħjar għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi twassal għal aktar liberalizzazzjoni fil-qasam tal-kera.  Dan sabiex is-sidien ma jkunux kostretti jgħollu l-kera u sabiex ma jinsterqux. Dan jista’ jaħdem biss favur l-Inkwilin mhux kontra. Daqstant ieħor għandu dritt l-Inkwilin ma jħallasx ammont fiss għal dawl u ilma anke jekk ma joqgħodx fil-post għal perjodi sħaħ u jekk verament ma jabbużax mill-kuntratt li għamel mas-sid.  Min-naħa l-oħra inkwilin li ħallas bil-quddiem għad-dawl u l-ilma m’għandux għalxiex jaħbi li persuni ġodda ġew joqogħdu miegħu għal btala jew li persuni oħra ġew għandu u wżaw il-post.  B’hekk forsi jkollna wkoll aktar proprjetà li tiġi rilaxxata għall-kera.  Wara kollox il-bini battal huwa waħda mill-problemi li nitkellmu dwarha spiss.

Apparti dan, jekk l-awtoritajiet Maltin jibqgħu jisħqu li jżommu b’mod assolut il-monopolju li għandhom fuq ir-riżorsi tal-pajjiż ftit li xejn ikunu qed jimxu fuq il-linja tal-UE fejn dejjem għandek iktar minn kumpanija waħda li tipproduċi d-dawl, ilma u gass u tikkompeti ma’ oħrajn f’dan il-qasam.  Bl-istess mod, barra minn Malta, it-tip ta’ miter domestiku li jippermetti li jiġi mħallas id-dawl qabel ma jiġi kkunsmat huma legali.  

Filwaqt li nikkumplimenta lir-REWS għal dan il-pass meqjus li ħadet il-ġimgħa l-oħra, nitlobha sabiex tkun aktar aġġornata maż-żmenijiet u tiddefendi kemm lis-Sidien kif ukoll lil min jikri mingħand ħaddieħor b’aktar liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija. 

Ekonomija

Sport