L-ekonomija globali hija mistennija li tkompli tikber matul din is-sena minkejja l-inċertezza li teżisti bħalissa. Skond l-aħħar tbassir tal-Bank Dinji r-rata ta’ tkabbir mistennija li tkun taħt it-3%, li hija inqas mill-medja tat-tkabbir fis-snin ta’ qabel il-pandemija kif ukoll mit-tkabbir ekonomiku li mistenni jkollna f’pajjiżna.
Minkejja dan, ta’ min igħid li l-ekonomija globali qiegħda turi resiljenża meta tqis kemm għaddiet minn xokkijiet sinjifikanti fl-aħħar snin. Bdejna bil-pandemija, komplejna bil-kriżi fil-loġisitika u l-effetti tal-inflazzjoni globali, l-impatt tal-gwerra fl-Ukranja u l-kunflitt fil-Lvant Nofsani, l-effetti tal-bidla fil-klima, kif ukoll tibdil fil-kummerċ internazzjonali minħabba l-Brexit u t-tariffi.
Minkejja dan, xorta qegħdin naraw żieda mhux negliġibbli fil-ġid nazzjonali globali. Nistgħu ngħidu li dan qiegħed iseħħ minħabba żewġ fatturi principali. Min-naħa għandek l-iżvilupp mgħaġġel fl-Ażja, speċjalment l-Indja u min-naħa l-oħra għandek l-impatt ferm pożitiv tal-iżviluppi teknoloġiċi, l-aktar fl-Amerika, minħabba l-intelligenza artifiċjali.
2. S’issa t-tbassir għadu li l-inflazzjoni fid-dinja se tkompli tonqos. Kif tafu, wara l-pandemija għaddejna minn żmien ta’ inflazzjoni għolja, l-aktar dovuta għal raġunijiet ta’ provista, inkluż dik tal-energija, kif ukoll is-sostenn fiskali qawwi li taw il-Gvernijiet waqt u wara l-pandemija. Mindu l-gvernijiet bdew jadottaw miżuri biex inaqqsu d-deficit, biex jagħmlu tajjeb għaż-żieda qawwija li ġarrbu fid-dejn, l-impatt fuq il-prezzijiet beda jonqos għax id-domanda domestika ddghajfet.
Veru li fejn jidħlu servizzi l-inflazzjoni għolliet ftit rasha, għax għolew il-pagi, anke ukoll għax il-provvista tal-ħaddiema naqset xi ftit wara l-pandemija. Kien hemm ukoll żieda fil-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru u tal-lukandi u ristoranti, għax it-turiżmu globali ħa spinta wara s-snin tal-lockdown. Imma, fejn jidħlu oġġetti u ikel jidher li l-inflazzjoni qiegħda tmajna, li ma tfissirx li l-prezzijiet roħsu, iżda li qegħdin jiżdiedu b’rata aktar baxxa.
Min-naħa l-oħra kien hawn tħassib fuq l-impatt li t-tariffi jista’ jkollhom fuq il-prezzijiet. Irridu niftakru li filwaqt li l-Unjoni Ewropeja ma rritaljatx għal dawn it-tariffi u allura għall-Ewropej m’hemmx dan l-impatt, l-impożizzjoni ta’ tariffi tista’ tgħolli l-prezzijiet f’dak il-pajjiz li jiddaħħlu f’dik is-sena li jiġu implimentati, iżda meta tħares fit-tul it-tariffi jnaqqsu l-inflazzjoni għax iddgħajfu d-domanda għall-prodotti wara li l-prezz ikun għola u allura tnaqqas mir-ritmu ta’ tkabbir ekonomiku.
Jekk inħarsu lejn Malta, it-tbassir tagħna huwa li r-rata ta’ inflazzjoni se tonqos xi ftit ukoll imma se tibqa’ ftit aktar minn 2%, għalkemm hija mistennija tibqa’ inqas mill-medja storika ta’ 2.6%.
3. Kif diġà semmejt fir-risposta għall-ewwel domanda tagħkom, id-dinja għaddiet minn numru ta’ xokkijiet wara l-pandemija. Din kienet ħaġa li kien imbassar waqt il-pandemija propju għax dan kien episodju ferm aktar qawwi minn xokkijiet oħra u allura kien naturali li se jkollu riperkussjonijiet li jkomplu għal diversi snin ta’ wara. Ħafna mix-xokkijiet li rajna fl-aħħar snin jafu l-bidu tagħhom għal affarijiet li ġraw waqt il-pandemija, li għalkemm issa għaddiet, irridu niftakru li kienet taqliba enormi fil-ħajja tagħna.
Waħda mill-affarijiet li seħħet dakinhar kien proprju l-aċċelerazzjoni tal-qabża diġitali. Minħabba l-pandemija daħlu numru ta’ teknoloġiji li affetwaw ħafna l-ħajja ta’ kuljum. Insemmi pereżempju r-remote working, kif ukoll ir-ride sharing u l-food couriers.
L-intelligenza artifiċjali kapaċi jkollha impatt fuq il-ħajja tagħna anke akbar minn dak tal-pandemija. Aħna nemmnu li l-impatt se jkun pożitiv, speċjalment fejn tidħol il-produttività u t-tnaqqis fil-bżonn ta’ ħaddiema għal ċertu tip ta’ xogħol, speċjalment fil-kuntest ta’ bosta pajjiżi fejn qiegħda tixjieħ il-popolazzjoni tagħhom. Imma, m’hemmx dubju li se jkun hemm ukoll impatti negattivi li rridu nippreparaw għalihom ukoll.
4. It-tariffi u l-bidla fir-rati tal-imgħax għandhom effett oppost għal xulxin. It-tariffi jnaqqsu l-attività ekonomika għax inaqqsu l-esportazzjoni għall-pajjizi li fuq il-prodotti tagħhom jiġu imposti t-tariffi li jwassal għal telf fid-dħul u jista’ jwassal ukoll għal telf ta’ impjiegi.
Għall-pajjiżi li jimponu t-tariffi jew jirritaljaw, il-konsumaturi jkollom iħallsu aktar għal oġġetti u servizzi, li jwassal għal domanda domestika inqas, li wkoll jista’ jwassal għal telf fl-attività ekonomika. B’kuntrast, rati tal-imgħax inqas iwasslu għal konsum u investiment akbar għax jagħmel is-self orħos u allura jżid id-domanda u b’hekk tiżdied l-attività ekonomika. Għaldaqstant, mhuwiex ċar liema effett se jkun l-aktar qed jiddomina, għalkemm normalment żieda globali fit-tariffi twasal għal effetti negattivi fuq l-attività ekonomika.
Fil-każ tal-episodju li rajna dwar t-tariffi, l-akbar problema kienet l-inċertezza li din ħolqot, għax din tnaffar l-investiment. Meta n-negozji jkunu jafu biċ-ċar il-livell ta’ tariffi, dan iwassal biex huma jaġġustaw għar-regoli l-ġodda wara perjodu ta’ tranżizzjoni u jippruvaw ipattu għall-effetti tat-tariffi billi jinvestu f’mezzi li jżidu aktar il-produttività. Kif għidt qabel, jidher li din is-sena se jkollna tnaqqis fir-ritmu ekonomiku imma li dan se jibqa’ relattivament tajjeb kemm b’mod globali, kif ukoll lokalment.
5. Il-Bank Ċentrali qiegħed ibassar li se jkollna tkabbir ta’ 3.7% anke għax se jkollna impatt pożitiv fuq l-attività domestika minħabba t-tnaqqis fit-taxxa tad-dhul għall-familji li implimenta l-Gvern. Il-konsum privat mistenni jibqa’ għaddej tajjeb, speċjalment meta mqabbel mal-bqija tal-ekonomija Ewropea. Dan jirrifletti titjib fis-salarji, kif ukoll il-piż inqas tat-taxxi.
Bil-mod il-mod nemmnu li anke l-esportazzjoni se tkompli tikkontribwixxi għat-tkabbir. Min-naħa għandek it-turiżmu li qiegħed jespandi ħafna u min-naħa l-oħra s-servizzi diġitali u professjonali huma mistennija li jkomplu jikbru.
Fejn jidħol kummerċ internazzjonali ma nantiċipawx effetti diretti sostanzjali mit-tariffi aktar għolja madwar id-dinja. Imma, ovvjament, se jkun hemm effett indirett għax dawk se jdgħajfu l-ekonomija ta’ pajjizi li nagħmlu negozju maghhom u b’hekk dan kapaċi jimpatta xi ftit id-domanda esterna.
Madanakollu, qegħdin inbassru li l-qgħad se jibqa’ qrib il-minimu storiku ta’ pajjiżna, filwaqt li l-pagi huma mistennija li jkomplu jiżdiedu u jtejjbu l-qagħda finanzjarja tal-familji. Għalkemm qegħdin naraw ukoll li l-pagi jiżdiedu b’rata inqas mgħaġġla minn dawn l-aħħar sentejn, biss xorta naraw li ż-żieda fil-pagi tkompli tiżboq iz-zieda fil-prezzijiet.

