Il-protesta li rat il-qalba ta’ Ruma mimlija b’aktar minn 300,000 hija xhieda ta’ moviment li qiegħed jikber u jinfirex lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. F’ġurnata deskritta bħala mobilizzazzjoni globali, eluf ta’ ċittadini ħarġu biex jesprimu oppożizzjoni lejn dak li qiegħed jissejjaħ l-avvanz tal-lemin, xejra awtoritarja u l-gwerer li qegħdin jifnu l-politika internazzjonali tal-lum.
Il-fatt li l-Italja kienet waħda miċ-ċentri ewlenin ta’ din il-mobilizzazzjoni jagħti piż partikolari lill-avveniment. Ruma, bi storja politika u simbolika qawwija, saret il-kapitali għal espressjoni kollettiva ta’ tħassib li qiegħed jinħass f’diversi soċjetajiet Ewropej. Il-messaġġ ewlieni tal-protesta kien wieħed dirett u b’saħħtu – reżistenza. Din ir-reżistenza hija kontra sistemi li qegħdin jitqiesu bħala dejjem aktar awtoritarji u kontra kunflitti li ħafna jqisuhom bħala riżultat ta’ interessi politiċi u ekonomiċi.
“No Kings”… Slogan kontra s-slaten tal-gwerer
Is-slogan “No Kings: kontra s-slaten u l-gwerer tagħhom” huwa l-għajta kollettiv ta’ bħalissa. Huwa riflessjoni ta’ mentalità li qiegħda tikber fost setturi differenti tas-soċjetà li jaraw fil-konċentrazzjoni tal-poter u fil-politika militari theddida diretta għall-istabbiltà u l-ġustizzja. Dimostrazzjonijiet taħt din it-tema saru mhux biss f’Ruma, iżda wkoll f’diversi bliet oħra Taljani u juru li l-messaġġ laħaq livelli nazzjonali.
Madankollu, il-fenomenu ma jieqafx mal-fruntieri Taljani. Aktar minn 3,000 protesta taħt l-istess slogan qegħdin isiru fl-Istati Uniti u f’numru ta’ pajjiżi Ewropej, fatt li jindika koordinazzjoni u sentiment kondiviż fuq skala internazzjonali. Dan huwa element kruċjali biex wieħed jifhem kemm huwa kbir dan il-moviment. Hawn m’aħnies nassistu għal reazzjoni fl-Italja biss, iżda hija biss parti minn xejra globali li qiegħda tiżviluppa b’ritmu mgħaġġel.
Frustrazzjoni fost popolazzjonjiet differenti
F’dan il-kuntest, il-protesti jistgħu jitqiesu bħala risposta għal sens ta’ frustrazzjoni li qiegħed jinħass fost popolazzjonijiet differenti. Żieda fil-politika tal-lemin, diskors aktar iebes dwar immigrazzjoni u sigurtà, kif ukoll involviment f’kunflitti internazzjonali qegħdin joħolqu klima fejn ħafna jħossu li l-vuċi tagħhom mhix qiegħda tiġi mismugħa. Il-protesta, għalhekk, issir mezz ta’ espressjoni u pressjoni fuq dawk fil-poter.
Importanti wkoll li wieħed janalizza l-element ta’ awtoritarjaniżmu li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħed jissemma’ f’dawn il-manifestazzjonijiet. Għalkemm it-terminu jista’ jkun suġġett għal interpretazzjonijiet differenti, huwa ċar li hemm tħassib dwar miżuri li jistgħu jnaqqsu l-libertajiet ċivili jew jikkonċentraw il-poter f’idejn ftit. Dan it-tħassib mhuwiex limitat għal pajjiż wieħed, iżda jidher li qiegħed jinfirex f’diversi sistemi politiċi.
Fl-istess ħin, il-kritika lejn il-gwerer u l-politika internazzjonali turi kif il-konflitti barra mill-Ewropa qiegħed ikollhom impatt dirett fuq il-perċezzjoni pubblika ġewwa l-kontinent. Għal ħafna, dawn il-gwerer mhumiex biss kwistjonijiet barranin, iżda parti minn sistema li qiegħda tinfluwenza l-ekonomija, is-sigurtà u l-istabbiltà interna.
Nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet
Dawn l-iżviluppi jqajmu mistoqsijiet importanti dwar id-direzzjoni li qegħdin jieħdu s-soċjetajiet moderni. Il-fatt li mijiet ta’ eluf ta’ nies qegħdin jinġabru biex jesprimu l-istess tħassib, jindika li hemm nuqqas ta’ fiduċja li qiegħda jikber lejn l-istituzzjonijiet u lejn il-mod kif qed jittieħdu d-deċiżjonijiet politiċi.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġurnata ta’ protesta li rat lil Ruma bħala wieħed mill-epicentri tagħha tista’ tkun biss il-bidu ta’ fażi ġdida ta’ attiviżmu politiku. Meta moviment jilħaq dan il-livell ta’ mobilizzazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali, il-kwistjonijiet li qiegħed iqajjem mhumiex se jisparixxu malajr.
Dak li jibqa’ jrid jiġi osservat huwa kif se jirreaġixxu l-gvernijiet u l-istituzzjonijiet. Jekk dawn il-messaġġi jiġu injorati, hemm riskju li t-tensjonijiet ikomplu jikbru. Jekk, min-naħa l-oħra, jiġu indirizzati b’mod serju, jista’ jkun hemm opportunità għal bilanċ ġdid bejn il-poter u ċ-ċittadin.
Li huwa żgur hu li s-soċjetà li qiegħda titkellem b’vuċi waħda fuq skala globali. Qiegħda titlob bidla li tmur lil hinn mill-politika tradizzjonali u din hija realtà li se tibqa’ tiddomina d-diskors pubbliku fix-xhur li ġejjin.

