Monday, December 16, 2024

Reżoluzzjoni

- Jikteb Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Kemm huwa żmien ħelu bħalissa, l-ewwel ħaġa li qisha tiġri biex ifakkarna li ġej il-Milied huwa t-temp li jibda jiksaħ xi ftit. Apparti t-temp il-mod kif jaħdem il-pajjiż huwa partikolari. L-iskejjel jieqfu bil-vaganzi. Il-Parlament jieqaf bil-vaganzi. Il-ħaddiema tal-gvern l-iktar li jħallu leave huwa għal dan iż-żmien, l-industrija u diversi kumpaniji jagħmlu shut down u kull minn jista’ jaħdem inqas f’dawn il-ġranet, jibda jaħdem inqas ħalli jgawdi iktar lill-maħbubin tiegħu. 

Il-familja

Ħadd ma jista’ jgħid li l-familja mhiex is-sinsla ta’ pajjiżna. L-imħabba, il-paċi, l-għaqda u l-ħidma huma l-ingredjenti ewlenin li jsawwru lill-poplu Għawdxi u Malti. Meta ngħid familja mhux qiegħed nirreferi biss għall-familja tradizzjonali imma, għal kull tip ta familja li llum għandna f’Malta u Ghawdex. Żmien sabiħ li l-familja kollha tħares lejh u tistenna biex ikollha iktar ħin ħalli tqatta’ flimkien u tgawdi iktar lil xulxin. Għalhekk, dan iż-żmien huwa wieħed speċjali li ħafna min-nies ikollhom rutina differenti mir-rutina li jkollhom matul is-sena. Bil-ġenn u bil-ħajja mgħaġġla tal-lum forsi ma jkollniex ħin biżżejjed biex ingawdu lil xurxin u allura kulħadd ikun qiegħed ifittex l-opportunità li jkollu iktar ħin biex dak li jixtieq jagħmel, jagħmlu.

Addio dieta

Ħafna wkoll matul is-sena jgħoddu l-kaloriji li jieħdu mhux biss biex iżommu b’saħħithom imma wkoll għax ikunu jridu jżommu l-figura tagħhom. L-ikel jagħtik ħafna pjaċir u l-problema li ftit huma dawk l-affarijiet li tista’ ttawwal kemm trid il-pjaċir li tkun qiegħed tieħu. L-ikel huwa wieħed minn dawk l-affarijiet li tista’ ttawwal il-pjaċir li tista’ tkun qiegħed tieħu apparti li ħafna okkażjonijiet ta’ ikel u divertiment ilaqqagħna ma’ ħafna mill-maħbubin tagħna u allura l-ikel, xi naqra xorb, ftit mużika sabiħa, naqra allegrija u malajr jinħoloq ambjent sabiħ ta’ festa u wara l-ewwel grokk li tieħu ma tibqax tgħodd il-kaloriji.

Rigali

Meta jasal dan iż-żmien niftakar fin-nanna Pawla. In-nanna Pawla kienet omm il-mara tiegħi, mara b’riżorsi limitati. Għal żmien twil il-kunjatu kien bla xogħol u allura kellha inqas riżorsi minn ħaddieħor. Però, anke meta kien jaħdem, dejjem kien hemm x’tixtri u għalxiex iġemma. B’sitt itfal, l-irġiel tagħhom u kollha għandhom it-tfal, bil-qraba kollha jżuruha ta’ spiss, iġemma kienet kelma fil-vokabolarju biss. 

Mara bi prinċipji kbar kemm prinċipji soċjalisti, kif ukoll insara. Il-familja kienet ħajjitha u mill-ftit riżorsi li kellha kienet tlaqqa’ l-familja darba fil-ġimgħa, tagħmel dixx għaġin kbir u serduq fin-nofs u kulħadd jieħu biċċa għaġin il-form bit-tiġieġa. Dan iż-żmien tal-Milied kien speċjali għaliha u lit-tfal u t-tfal tat-tfal kienet tħobbom kollha bla limitu. Biżżejjed ngħidilkom li kienet taħseb minn sitt xhur qabel għar-rigali tat-tfal u tfal tat-tfal u tħallas dawk ir-rigali ftit fix-xahar. Jew meta tidħol il-paga tax-xahar, jew wara meta tidħol il-pensjoni. Qatt ma nsiet rigal fil-Milied lil ħadd u kienet l-hena tagħha tara lil kulħadd jifraħ u jieħu pjaċir. 

Bħan-nanna Pawla hawn ħafna u ħafna nanniet u ġenituri li jagħmlu bħalha. Fil-kċina tagħha kellha xkaffa fl-għoli u f’din l-ixkaffa kellha esebizzjoni ta’ borom differenti. Minn Novembru kienet tibda tixtri l-ingredjenti tal-pasti u kejkijiet u taħbijom f’dawn il-borom fl-għoli ħalli ħadd ma jiekolomlha qabel iż-żmien. Meta jibda Diċembru, dawk l-ingredjenti kienu jsiru pastini tajbin tal-coconuts xi zokk tal-Milied li qatt ma tkun rajt il-qies tiegħu, Christmas Cake li jibqa’ trid tieħu biċċa  oħra minnu u mince pies tajbin li darba tiekol minnhom u tipprova izomm waħda f’kull idejn. 

Wara l-quddiesa ta’ nofsillejl tal-Milied konna mmorru d-dar u tistenniena kien ikun hemm l-imbruljuta tal-Milied. Kif konna nduru l-kantuniera u nitilghu mad-dar t’Anni tan-Niċa, ir-riħa tfuħ tal-imbruljuta kienet taqsmilna qalbna.

l-isbaħ rigal huwa l-imħabba…

Ftakru fil-ġenituri

Ħafna drabi, bħala ġerantologiku kif ukoll bħala politiku, niltaqa’ ma’ ħafna anzjani u dawn il-biċċa l-kbira tagħhom iqerru magħna ħafna affarijiet importanti u esperjenzi ħelwin li jkunu għaddew minnhom matul is-sena. Jaqsmu magħna wkoll ħafna esperjenzi ta’ niket u dwejjaq. 

L-iktar storja li bqajt niftakar kienet ta’ anzjan partikolari li l-iktar ħaġa li meta kien jiftakar fiha kienet tnikktu u kien jibki bil-qalb dwarha kien il-fatt li kellu 13-il tifel u tifla u tlieta biss kienu jmorru jarawh. Kien jgħidli ‘jien lil kollha nħobbhom għax ma jiġux jarawni?’ 

Tinsewx iżżommu kuntatt regolari mal-anzjani tagħkom. Jekk ma tistgħux iżżuruhom, għamlu video call magħhom jew telefonata ħafifa ħafifa imma, tal-inqas qegħdin tgħidulhom ‘hello ma/pa għalija, inti importanti’. Aħna dan ir-rwol ħaditu Jeanine t-tifla li kuljum, kuljum praċett tagħmel video call lil ommi u missieri li tgħidx kemm jieħdu pjaċir biha u jkunu qegħdin jistennewha. Apparti Jeanine u ommi u missieri, f’dan iċ-chat hemm il-familja kollha u ħafna drabi anke t-tfal l-oħra u ħuti jidħlu għal ftit ħin jgħidu hello lil xulxin. Tinsewx iżżommu kuntatt mal-ġenituri tagħna u lil-ġenituri ngħidilhom ukoll tiddejqu xejn ċemplu u żommu kuntatt ma’ wliedkom u n-neputijiet. 

Reżoluzzjonijiet

Bħalissa wkoll nisimgħu lil ħafna li sejrin jagħmlu reżoluzzjonijiet tal-Ewwel tas-sena. Kont ipprovajt fil-passat nagħmel reżoluzzjonijiet imma ngħid il-verità, ma tantx kont domt inżommhom. Allura, issa, m’għadni nagħmel xejn reżoluzzjonijiet meta naħseb li xi ħaġa tkun tajba, naqbad u nipprova nagħmliha u mhux nistenna l-Ewwel tas-Sena biex nagħmel dan. Però, għal dawk li għandhom xi xewqa u jixtiequ jipprovaw jagħmlu xi tibdil ġewwa ħajjithom m’għandhomx għalfejn jiddejqu jipprovaw.

Twelid ta’ Ġesù

Il-Milied  ma giex minħabba l-Father Christmas, is-sigra tal-Milied, il-kartolini jew  ir-rigali li nagħtu lil xurxin. Il-Milied jeżisti għax aħna l-Insara nfakkru t-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu bħala tarbija u kien San Ġorġ Preka li ħadem kemm felaħ biex permezz tas-soċjetà tal-Mużew, daħħal ħafna imħabba lejn din il-ġrajja unika ta’ meta Bin Alla ġie fid-dinja biex jifdina mid-dnub tan-nisel.Issa tista temmen u tista’ ma tkun temmen b’xejn. Din hija l-verità. Kristu li ħlief imħabba ma ppriedkax f’ħajtu, apparti l-ħafna episodji ħelwin li hemm irrakkontati fil-ħajja tiegħu.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport