Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-MUMN is-Sur Paul Pace ntalbet biex issir inkjesta oħra u li fiha jagħti l-verżjoni tiegħu l-ħaddiem li spiċċa “ħaruf tas-sagrifiċċju” fil-każ tal-għejbien ta’ Karmenu Fino.
Pace qal li fl-inkjesta ma jissemmiex il-fatt li l-ward li fiha kien Rhys Paul Xuereb kienet Open Ward u li kif jgħid tajjeb l-isem tagħha, minn din il-ward kemm is-Sur Fino kif ukoll il-bqija tal-pazjenti setgħu jidħlu u joħorġu fi xħin riedu. Żied jgħid li din il-ward lanqas bieb ma kellha, u li kulma kien hemm hija grada żgħira.
Il-President tal-MUMN sostna li huma jinsabu wara dan l-infermier li spiċċa sospiż mhux minħabba negliġenza, lanqas għax kien rieqed, imma għax inzerta fil-post ħażin u fil-ħin ħażin.
Pace kompla biex jgħid ukoll li persuni bid-dimensja bħalma kien is-Sur Fino qatt ma kellhom ikunu f’dik il-ward li hija miftuħa u li kull pazjent sippost ikun eżaminat minħabba l-kundizzjonijiet tiegħu biex ikun stabbilt fejn hu postu fir-residenza li fiha taqsimiet varji skont in-neċessitajiet tal-pazjenti.