Ġie ffirmat ftehim bejn Komunità Malta u l-Malta Football Association li permezz tiegħu ssaħħaħ il-proġett Ballun Crossbars li l-għan tiegħu huwa li permezz tal-isport jikkontribwixxi fir-riabilitazzjoni tal-persuni u għas-saħħa mentali.
Id-daqqa ta’ pinna f’dan il-ftehim tissarraf fi programm sportiv imsaħħaħ għal dawk il-persuni li jinsabu taħt il-kura tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni u l- Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-Ażil (AWAS).
Il-Ministru Byron Camilleri fisser dan il-ftehim bħala xhieda ċara tal-ħidma u impenn li qed jagħmel dan il-Gvern biex verament dawn il-persuni jingħataw l-attenzjoni neċessarja fir-riabilitazzjoni tagħhom.
Dawn il-programmi sportivi jinkludu t-taħriġ fil-futbol, sessjonijiet ta’ taħriġ fiżiku, programmi ta’ żvilupp personali u litteriżmu, kif ukoll taħditiet ta’ motivazzjoni, bil-għan li jippromwovu dixxiplina, responsabbiltà u integrazzjoni soċjali.
Il-Ministru tenna li l-isport għandu element uniku li jgħaqqad, li jtejjeb is-saħħa fiżika u mentali u li jippromwovi l-inklussività u li għalhekk iqisu bħala investiment soċjali favur persuni aqwa.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Assoċjazzjoni qed tkun parti minn dan il-proġett, li jkompli jsaħħaħ l-elementi tal-edukazzjoni, l-isport u l-aspett soċjali fi ħdan il-faċilitajiet ta’ detenzjoni. Huwa spjega li l-MFA se tkompli toffri dan it-taħriġ permezz ta’ kowċis speċjalizzati, filwaqt li tkompli tespandi dan is-servizz sabiex jilħaq aktar membri tas-soċjetà u jikkontribwixxi għal riabilitazzjoni effettiva.
Huwa enfasizza wkoll l-importanza li anke persuni detenuti jingħataw l-opportunità li jiżviluppaw u jikbru f’ambjent pożittiv u san, bħala parti mill-proċess ta’ integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà.
Il-ftehim, ikopri tliet snin u jkopri s-servizzi ta’ taħriġ, il-koordinazzjoni u r-riżorsi meħtieġa biex jiġi assigurat li l-programm jitwettaq b’mod effettiv u sostenibbli.
Din il-kollaborazzjoni tkompli tikkonferma l-impenn tal-Gvern li jintroduċi inizjattivi innovattivi li jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tan-nies, filwaqt li jsaħħu l-valuri ta’ inklużjoni, rispett u opportunità.

