Waqt il-Konferenza Kwadriennali tat-Taqsima GWU Professjonisti, Finanzi u Servizzi, Riccarda Darmanin kienet ikkonfermata bħala Segretarju ta’ din it-Taqsima. F’din l-istess konferenza nħatru wkoll il-membri tal-Eżekuttiv tat-Taqsima għall-perjodu 2025-2028 u l-Assistent Segretarju ġdid Cynthia Schembri.
F’diskors li għamlet tal-okkażjoni, is-Segretarju Darmanin qalet li matul dawn l-aħħar erbgħa snin, rat ix-xogħol tat-Taqsima jevolvi u aktar ma jmur aktar qed isir xogħol ta’ sfida.
Hija qalet li t-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tagħti servizz kontinwu għall-membri b’xogħol klerikali u lil dawk professjonisti.
Is-Segretarju Darmanin kompliet tgħid li permezz tal-Ftehim Kollettivi, ġie introdott ix-xogħol ta’ remote working, sigħat flessibbli, u appoġġ għas-saħħa mentali. Hija rrimarkat li l-membri żdiedu għal kważi 3,000, b’aktar organizzazzjonijiet jissieħbu. Kisbiet legali indirizzaw kwistjonijiet bħal stress fuq il-post tax-xogħol, tkeċċijiet inġusti, u trasparenza fil-pagi. Hija spjegat ukoll li t-Taqsima hija affiljata ma’ entitajiet oħra u tipparteċipa f’diskussjonijiet u proġetti internazzjonali, fosthom dawk relatati mat-trasformazzjonijiet tax-xogħol minħabba l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Pay Transparency Act. Darmanin tħares lejn il-futur bit-tisħiħ tad-drittijiet tal-membri, l-iżvilupp ta’ ambjent tax-xogħol sigur, u l-integrazzjoni tal-avvanzi teknoloġiċi b’ġustizzja u trasparenza.
Hija temmet tirringrazzja lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għax-xogħol siewi li jagħmlu ma’ sħabhom fuq il-postijiet tax-xogħol, lill-membri kollha tal-Eżekuttiv tat-Taqsima tal-appoġġ u l-għajnuna li tawha matul dawn is-snin filwaqt li awgurat lill-membri l-ġodda ħidma siewja għall-ġid tal-ħaddiema.
Irringrazzjat ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, lid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri, lill-President tal-GWU Victor Carachi, lis-Segretarji kollha u l-bqija tal-ħaddiema fil-GWU tal-għajnuna li dejjem sabet mingħandhom.
Fl-għeluq tal-konferenza, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja rringrazzja lil Riccarda Darmanin, lill-membri tal-Eżekuttiv tat-Taqsima u lir-rappreżentanti kollha tal-ħidma li qed iwettqu b’risq il-ħaddiema. Huwa żied jgħid kemm ra t-Taqsima tikber u kemm huwa importanti x-xogħol tad-delegati, essenzjali għax-xogħol tal-union. Faħħar ix-xogħol siewi f’din it-Taqsima, fejn apparti x-xogħol trejdjunjonistiku, jipparteċipaw ukoll fi proġetti ma’ entitajiet u organizzazzjonijiet internazzjonali li t-Taqsima hija affiljata magħhom.